“Pass Pożittiv Imma Rridu Nagħmlu Iżjed” – Il-Membru Parlamentari Rebecca Buttigieg Dwar Il-Projbizzjoni Tal-Midja Soċjali Għat-Tfal Taħt It-13-Il Sena

Il-Membru Parlamentari Rebecca Buttigieg irreaġixxiet għall-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu tal-midja soċjali mit-tfal, u ddeskriviet il-pass bħala wieħed pożittiv filwaqt li sostniet li hemm bżonn ta’ aktar ħidma.

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat proposta għall-EU KIDS Act, li fost l-oħrajn tipprevedi li tfal taħt it-13-il sena ma jkollhomx aċċess għall-midja soċjali. Il-proposta tistabbilixxi wkoll il-15-il sena bħala l-età minima biex minorenni jkun jista’ jiftaħ kont personali tiegħu stess.

Bejn it-13 u l-15-il sena, il-pjan jipprevedi kontijiet limitati mwaqqfa u ssorveljati mill-ġenituri, filwaqt li għall-persuni bejn il-15 u t-18-il sena l-pjattaformi jkollhom obbligi biex is-servizzi tagħhom ikunu mfassla b’mod aktar sigur.

F’reazzjoni għal din l-aħbar, Buttigieg fakkret fil-konsultazzjoni pubblika li kienet mexxiet ftit tax-xhur ilu flimkien mal-Ministru Michael Falzon dwar is-sigurtà tat-tfal online.

“Ftit tax-xhur ilu, flimkien mal-kollega Michael Falzon, mexxejna konsultazzjoni pubblika biex nisimgħu mingħandkom dwar x’tixtiequ li jsir biex naraw li l-ispazju online ikun post aktar sigur għat-tfal tagħna,” kitbet. Dwar il-proposta Ewropea, hi żiedet, “Pass pożittiv imma rridu nagħmlu iżjed.”

Il-proposta Ewropea għad trid tgħaddi mill-proċess leġiżlattiv qabel ma ssir liġi, iżda timmarka pass lejn regoli komuni madwar l-Unjoni Ewropea dwar kif it-tfal u ż-żgħażagħ jistgħu jużaw il-midja soċjali.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI