Minn Novembru, klijenti f’Malta u madwar l-Unjoni Ewropea mistennija jħallsu €2 addizzjonali fuq oġġetti ta’ valur baxx mixtrija minn barra l-UE.
Din il-miżata, magħrufa bħala l-Union handling fee, se tiżdied mat-€3 dazju introdott f’Lulju, kif ukoll mal-VAT applikabbli.
Madankollu, għadu mhux ċar jekk il-miżata ta’ €2 hux se tkun imposta fuq kull pakkett jew skont in-numru ta’ oġġetti jew kategoriji ta’ prodotti li jkun fih.
Skont l-UE, l-Istati Membri għandhom jibdew japplikaw il-miżata ta’ €2 mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru. Il-miżata hija maħsuba biex tkopri l-ispejjeż relatati mal-kontrolli u l-monitoraġġ ta’ pakketti żgħar li jidħlu fl-UE.
Filwaqt li d-dazju ta’ €3 huwa miżura temporanja, il-miżata ta’ €2 hija maħsuba biex issir parti mis-sistema fl-Unjoni Ewropea.