“Erba’ Titli Nazzjonali Probabbli Jagħtu L-Fehma Li Kollox Sejjer Tajjeb” – Luke Borg Dwar L-Isfidi Li Jiltaqa’ Magħhom

Iċ-ċiklist lokali Luke Borg stqarr fuq il-paġna tiegħu dwar l-isfidi li jiltaqa’ magħhom bħala atleta fi gżiritna. Hu spjega, “Erba’ titli nazzjonali probabbli jagħtu l-fehma li kollox sejjer tajjeb. Li ma tarawx huwa dak kollu li jiġri wara l-kwinti.”

“Għal dawn l-aħħar seba’ snin, ħafna mill-flus tiegħi mar lura lejn iċ-ċikliżmu – roti, komponenti, nutrizzjoni, kit, kowċing, napplika għat-tlielaq, u nivvjaġġa għalihom. Dan kollu waqt li jien għadni student, u dan ifisser li kelli nissagrifika esperjenzi oħrajn li stajt infaqt il-flus fuqhom.”

It-tieni punt li semma’ huwa l-ħin. Dan għaliex irid jipprattika fuq livell li jħallih jikkompeti ma’ ċiklisti professjonali, waqt li jaħdem, jistudja, jkollu relazzjonijiet b’saħħithom, u jorqod tmien sigħat kuljum, li prattikament huwa impossibbli. “Għaddejt minn perjodi fejn mill-inqas waħda minn dawn l-affarijiet kienet qed tbati ħafna,” qal Luke.

Spjega wkoll li jħoss il-pressjoni biex ikompli jagħmel l-almu tiegħu, u jipprattika kemm jista’.

Temm kliemu, “Tista tkun kburi mmens b’dak kollu li rnexxielek tagħmel, u xorta jkollok mumenti fejn titħasseb dwar jekk dawn is-sagrifiċċji kollha jfissrux xi ħaġa fl-aħħar mill-aħħar.”

Dan il-messaġġ irċieva diversi kummenti mingħand ċiklisti li qablu miegħu u saħqu li dawn huma affarijiet li jesperjenzaw huma wkoll.

Ritratti:

Facebook / Luke Borg

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI