Dalgħodu mijiet reħewlha lejn Triq il-Merkanti ġewwa l-Belt Valletta sabiex jieklu ftira tal-aħħar mingħand Bert's Take Away. Dan hekk kif illum, wara kważi 50 sena jservi l-komunità, dan il-ħanut se jkun qed jagħlaq il-bibien tiegħu.
L-inizjattiva kienet organizzata mill-Briefcase Man li bil-għajnuna ta' xi personalitajiet Maltin oħra, ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex dalgħodu fil-11:00 jinġabar fi Triq il-Merkanti ħalli lkoll flimkien jagħtu għeluq xieraq lil dan il-ħanut, u fuq kollox, lil sidu - Bertu Cutajar - li ma' bosta Beltin u Maltin oħra kien magħruf għall-irġulija u l-ġenerożità tiegħu.
Ma' GWIDA.mt, il-Briefcase Man stqarr li lejliet din l-inizjattiva kien imħasseb ferm għaliex it-tbassir tat-temp skont bosta siti kien qed jindika possibbiltà sostanzjali li l-għodwa tas-Sibt kienet se tkun imżewqa bix-xita u l-maltemp.
"Fil-10:40 bdiet trexxex ix-xita, u dak il-ħin qalbi waqfet għaliex ħsibt li kien se jkollna nikkanċellaw il-pjanijiet. B'xorti tajba, mit-tokki tal-ħdax 'l hemm ma ħassejtx qatra waħda tax-xita nieżla," spjega hu.
Mara li kienet ilha tistenna fil-kju għal madwar siegħa stqarret li għażlet li tkun hemm mhux neċessarjament għall-ftira jew għall-premju ta' €500 li kien hemm f'waħda mill-ftajjar, iżda sabiex tkun parti minn dan il-ġest tant nobbli u sabiħ.
Facebook / The Briefcase Man u TikTok / Jonathan da souza