Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar is-sit ta' proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni għall-familji vulnerabbli f’Ħal Kirkop.
Il-proġett se jikkonsisti f’89 appartament mifruxa fuq tmien blokok residenzjali. Il-proġett jipprevedi wkoll madwar 70 spazju għall-garaxxijiet u għall-parkeġġ.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan il-proġett huwa parti mill-ħidma biex ikomplu jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ akkomodazzjoni f’pajjiżna għall-familji vulnerabbli.
“L-akkomodazzjoni diċenti hija importanti biex il-familji u l-individwi jkollhom aktar stabbiltà u serħan il-moħħ. Permezz ta’ dan l-investiment f’Ħal Kirkop, se nkunu qed inżidu 89 appartament ġdid li, ladarba jitlestew, ikunu jistgħu jiġu allokati skont il-proċeduri tal-Awtorità tad-Djar. Dan il-proġett jirrifletti l-impenn li nkomplu ninvestu f’akkomodazzjoni għall-familji vulnerabbli u noħolqu aktar opportunitajiet għal dawk li jeħtieġu appoġġ fil-qasam tad-djar,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-proġett għandu spiża stmata ta’ €8.2 miljun, li tkopri x-xogħlijiet ta’ tħaffir, kostruzzjoni, installazzjonijiet mekkaniċi u elettriċi, kif ukoll ix-xogħlijiet ta’ tlestija. Din l-istima ma tinkludix l-ispiża tal-liftijiet.
Bħalissa, fis-sit għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ tħaffir, li jikkostitwixxu stadju importanti fit-tħejjija taż-żona għall-fażi li jmiss tal-proġett, li hija dik tal-kostruzzjoni.
Għal din iż-żjara kienu preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Housing Projects Solutions, il-Perit Thomas Tanti, l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa, s-Sindku ta’ Ħal Kirkop Matthew Agius Zammit u membri tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop.