F’dan l-episodju ta’ Kellymni – Il-Podcast ta’ Gwida, Melanie Kelly tiltaqa’ ma’ Romilda Zarb għal konversazzjoni dwar il-ħajja professjonali u personali tagħha.
Romilda titkellem dwar il-karriera tagħha u l-imħabba li minn dejjem kellha li tkun qrib in-nies. Tirrakkonta dwar l-esperjenzi li għaddiet minnhom tul is-snin u s-sodisfazzjon li dejjem sabet fil-kuntatt ma’ dawk ta’ madwarha.
Matul il-konversazzjoni toħroġ ukoll in-naħa tagħha bħala omm. Romilda titkellem b’imħabba kbira dwar uliedha, b’mod partikolari dwar binha ż-żgħir Nate, u l-post speċjali li għandhom f’ħajjitha.
Romilda titkellem ukoll dwar l-inklużjoni, suġġett li minn dejjem kellha għal qalbha. Tispjega kif il-fatt li għandha tifel b’diżabilità ma bidilx wisq il-mod kif tħares lejn il-ħajja, għaliex minn dejjem emmnet li kulħadd għandu jingħata l-istess opportunitajiet u jiġi aċċettat kif inhu.
Iżda l-konversazzjoni ma tieqafx hemm. Romilda taqsam ukoll il-ferħ li ssib fil-familja tagħha, il-passjoni lejn dak li tagħmel u l-importanza li tagħti lir-relazzjonijiet umani.
Intervista li tlaqqagħna ma’ Romilda mhux biss bħala persuna magħrufa għall-karriera tagħha, iżda wkoll bħala omm li l-imħabba, l-aċċettazzjoni u l-inklużjoni huma parti integrali minn ħajjitha.