Gloriana Arpa Belli tingħaqad ma’ Melanie Kelly fuq Kellymni – Il-Podcast ta’ Gwida għal konversazzjoni mill-aktar personali dwar żewġha Aurelio, il-persuna li kien, il-ġlieda tiegħu kontra l-kanċer u l-aħħar kapitlu tal-ħajja tagħhom flimkien.
Matul il-konversazzjoni, Gloriana titkellem dwar il-karattru ta’ Aurelio u l-mod kif kien jaffaċċja l-ħajja. Lil hinn mill-marda, hija tfakkar fil-persuna li kien u f’dawk il-kwalitajiet li baqgħu jispikkaw fih anke meta kellu quddiemu waħda mill-akbar sfidi ta’ ħajtu.
Gloriana tiftaħ qalbha dwar il-ġlieda tiegħu kontra l-kanċer u dwar il-kuraġġ li wera tul dan il-vjaġġ. Tirrakkonta kif għex ma’ din ir-realtà u kif baqa’ jiġġieled sal-aħħar nett, anke meta l-affarijiet saru aktar diffiċli. Barra minn hekk, titkellem ukoll dwar it-telfa ta’ ommha ftit xhur qabel dik ta’ żewġha, telfa li wkoll ma stennietx.
F’waħda mill-aktar partijiet personali tal-konversazzjoni, Gloriana titkellem ukoll dwar l-aħħar mumenti ta’ Aurelio. Taqsam dak li għexu flimkien f’dik l-aħħar fażi u kif hi esperjenzat dawk il-mumenti maġenb il-persuna li magħha kienet qasmet ħajjitha. Permezz tal-memorji ta’ Gloriana, il-pubbliku jiskopri aktar dwar Aurelio bħala bniedem, il-karattru tiegħu u l-mod kif għażel li jgħix anke meta kien jaf li l-vjaġġ tiegħu kien sar wieħed diffiċli ħafna.
Konversazzjoni intima dwar l-imħabba, il-kuraġġ, it-telfa u l-memorji li jibqgħu jgħixu wara persuna li ħalliet marka kbira fuq dawk ta’ madwarha.