F’dan l-episodju ta’ Kellymni – Il-Podcast ta’ Gwida, Melanie Kelly tiltaqa’ ma’ Sefora Debono għal konversazzjoni li tmur lura għall-bidu nett tal-istorja tagħha.
Sefora titkellem dwar il-familja li trabbiet fiha u dwar sitwazzjonijiet marbuta ma’ ħutha li wassluha biex, sa minn età żgħira, issib ruħha tgħix fost problemi li ma kinux faċli biex tifhimhom jew taffaċċjahom. Tirrakkonta x’effett kellhom fuqha tul is-snin u kif dawn l-esperjenzi komplew isawru l-persuna li saret.
Matul il-konversazzjoni toħroġ ukoll in-naħa tagħha bħala omm. Sefora titkellem dwar bintha, u perjodu partikolarment diffiċli li kellha tgħaddi minnu l-familja tagħha minħabba problemi li sabet ruħha taffaċċja bintha.
Iżda l-ħajja ta’ Sefora ma kinitx magħmula biss mill-isfidi. Titkellem dwar il-mumenti li tawha sodisfazzjon, in-nies li sabet madwarha u l-affarijiet li tul is-snin tawha l-kuraġġ biex tibqa’ miexja ’l quddiem.
Hija konversazzjoni li tgħaddi minn diversi stadji ta’ ħajjitha u li tagħtina stampa aktar sħiħa tal-mara li hemm wara l-personalità li l-pubbliku sar jaf u jħobb.