Is-surmast maħbub Lelio Spiteri qasam messaġġ fejn fakkar esperjenza partikulari li għadda minnha ħames snin ilu, meta kellu jsiefer Londra għal intervent kirurġiku.
Huwa ddeskriva dak iż-żmien bħala wieħed mimli emozzjonijiet, fejn minkejja l-biża’ u r-riskju, sab kuraġġ u għożża kbira mingħand dawk kollha li kienu qrib tiegħu.
Lelio rringrazzja lil kull min kien miegħu f’dak il-mument, fosthom is-Sorijiet Franġiskani, is-Sorijiet Agostinjani, il-persuni li akkumpanjawh, l-Arċipriet Frankie, il-kuġin Anthony, kif ukoll lil Fr Mario u Fr Joseph.
"Ħames snin bħal-lum. Esperjenza partikolari f’ħajti. Intervent kirurġiku f’Londra. Xejn faċli, pjuttost riskjuż. Imma kelli l-kuraġġ. Il-karattru tiegħi jgħin f’ċirkustanzi bħal dawn. Il-mediċina avvanzat ferm u l-mezzi huma ħafna. Sibt tobba u infermiera b’qalb kbira, kemm Malta kemm barra."
Lelio ma nesiex jirringrazzja wkoll lil dawk kollha li kienu ta’ sostenn għalih, fosthom il-familjari, il-ħbieb, l-għalliema u l-bnedmin li, kif qal hu stess, ikkuntattjawh matul il-ġranet twal u tqal ta’ wara l-intervent.