Mewġa ta' messaġġi li nkitbu fuq il-midja soċjali matul dawn l-aħħar jumejn xtaqu fejqan ta' malajr lil Daniel Buttigieg ta' 44 sena li bħalissa qed jiġġieled għal ħajtu fl-Isptar Mater Dei.
Daniel huwa wieħed mit-tlett vittmi tad-diżgrazzja li seħħet nhar il-Ħadd li għadda fis-sigħat ta' filgħaxija meta dgħajsa nkaljat fis-Sikka s-Safra fil-limiti ta' Baħar iċ-Ċagħaq. Sfortunatament, l-istess diżgrazzja serqet il-ħajja ta' Keith Caruana li kien missier ta' 48 sena filwaqt li ħalliet lil ibnu Ben ta' 14-il sena jiġġieled għal ħajtu.
Fil-messaġġi li nkitbu jidher ċar li Daniel huwa persuna maħbuba ferm. Dawk ta' madwaru jistqarru li qatt f'mitt qamar ma kienu qed jistennew li hu kien se jkun wieħed mill-vittmi ta' din it-traġedja. Fost sħabu, jispikka wkoll is-sens ta' solidarjetà tagħhom, hekk kif ilkoll żgurawh li se jkunu miegħu f'dan iż-żmien tant diffiċli.
Nittamaw fejqan ta' malajr lil Daniel kif ukoll lil Ben.
Facebook / Daniel Buttigieg u Dorian Zammit