Airam U Mia Jagħmlu Unur Lil Malta Fl-Istati Uniti B’Erba’ Riżultati Mill-Aqwa Fiż-Żfin

Żewġ żeffiena Maltin ta’ età żgħira, Airam Abela u Mia Mifsud, għamlu unur lil pajjiżna wara li kisbu riżultati mill-isbaħ waqt l-Empire Open Dance Festival fi New Jersey, fl-Istati Uniti. Airam, li għandu 12-il sena, u Mia, li għandha 11-il sena, irrappreżentaw lil Malta f’diversi kategoriji u kkompetew kontra żeffiena internazzjonali ta’ livell għoli.

Fil-kategorija Ballroom ta’ taħt is-16-il sena, il-koppja kisbet it-tieni post, filwaqt li fil-Ballroom ta’ taħt l-14-il sena rnexxielhom jiksbu t-tielet post. Riżultati pożittivi waslu wkoll fil-kategoriji Latin, fejn Airam u Mia spiċċaw fit-tielet post fil-kategorija ta’ taħt l-14-il sena u fir-raba’ post f’dik ta’ taħt is-16-il sena.

Dawn ir-riżultati huma xhieda tat-talent, id-dedikazzjoni u x-xogħol kontinwu taż-żewġ żeffiena żgħażagħ, li minkejja l-età tagħhom diġà qed jirrappreżentaw lil Malta fix-xena internazzjonali taż-żfin. Ringrazzjament speċjali ngħata wkoll lill-għalliema tagħhom Lisa Marie, Rossella Scerri De Carlo, Denzil Scerri De Carlo, Martina Camilleri u Keane Scerri De Carlo għall-gwida u l-appoġġ kontinwu tagħhom.

Prosit mill-qalb lil Airam u Mia għal dawn ir-riżultati mill-isbaħ. Nawgurawlhom aktar suċċessi fil-kompetizzjonijiet li jmiss!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI