“Aktar Minn €10,000 Miġbura Fi Ftit Jiem Biss… Pass Enormi Għal #Savelilly” – Appoġġ Għaċ-Ċkejkna Lilly

savelilly

Il-kampanja #SaveLilly, li nħolqot biex tagħti tama lil tifla żgħira li qed tgħix b’kundizzjoni ġenetika estremament rari, kompliet tikseb appoġġ qawwi mill-pubbliku hekk kif f’temp ta’ ftit jiem inġabru aktar minn €10,000.

Il-kampanja bdewha l-ġenituri ta’ “Lilly” – isem li qed jintuża pubblikament biex tiġi protetta l-privatezza tat-tifla tagħhom waqt li jissieltu għal futur aħjar għaliha u għal tfal oħra li jbatu mill-WWOX Syndrome.

Bħalissa, Lilly għandha 11-il xahar u qed tiffaċċja l-isfidi ta’ din il-marda rari li taffettwa l-moħħ. Tfal li jgħixu bil-WWOX Syndrome ħafna drabi jesperjenzaw diffikultajiet severi fl-iżvilupp, u jkollhom ħajja bil-limitazzjonijiet.



F’aġġornament ippubblikat illum, il-familja esprimiet il-gratitudni tagħha lejn il-komunità li ngħaqdet wara l-kawża tagħhom.



“Aktar minn €10,000 miġbura fi ftit jiem biss. Onestament ma nafux kif nistgħu nesprimu dan bil-kliem biss. Grazzi lil kull persuna li tat donazzjoni, qasmet l-istorja tagħna, bagħtet messaġġ, talbet għalina jew għenet biex l-istorja ta’ bintna tasal għand aktar nies.”

Il-familja sostniet li dan il-pass huwa wieħed importanti ħafna għall-kampanja #SaveLilly, iżda fuq kollox juri x’jista’ jiġri meta n-nies jagħżlu li jappoġġjaw lil min qed ibati.

L-appell tagħhom jibqa’ wieħed ta’ tama u solidarjetà. “Naprezzaw lil kull wieħed u waħda minnkom. Ejjew inkomplu mexjin ’il quddiem flimkien,” temmet tgħid il-familja.

Il-kampanja #SaveLilly qed tkompli tqajjem kuxjenza dwar il-WWOX Syndrome filwaqt li tispira mijiet ta’ persuni biex jingħaqdu f’din il-ġlieda għal futur aħjar għat-tfal affettwati minn din il-marda rari.

Biex tagħti d-donazzjoni tiegħek, idħol HAWN



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI