“Is-Siġġiewi Tilef Wieħed Mill-Għeżież Uliedu” – Tħabbret Il-Mewt Ta’ Leli Micallef, Magħruf Bħala ‘Leli Ta’ Fattu’

Is-Siġġiewi jinsab f’luttu wara li tilef wieħed mill-aktar personaġġi magħrufa u maħbuba tiegħu, Leli Micallef, magħruf aħjar bħala “Leli ta’ Fattu”.

Fi kliem ta’ tifkira u apprezzament, Leli ġie deskritt bħala persuna ġenwina li ħabb lis-Siġġiewi b’qalbu kollha. Kien magħruf għall-passjoni kbira tiegħu lejn in-nar pirotekniku, għall-imħabba tiegħu lejn il-kultura Siġġiwija, kif ukoll għad-devozzjoni profonda li kellu lejn il-Qaddis Patrun tas-Siġġiewi, San Nikola.

Dawk li ħadmu miegħu mill-qrib jiftakruh bħala persuna li dejjem uriet interess qawwi fil-preservazzjoni tal-patrimonju reliġjuż tar-raħal. Fil-fatt, kien segwa b’entużjażmu numru ta’ proġetti ta’ restawr li twettqu matul dawn l-aħħar snin, fosthom ir-restawr tas-sett sħiħ tal-vari mat-telgħa tas-Salib tal-Għolja fl-2022.



B’mod partikolari, kien għal qalbu ħafna r-restawr tan-niċċa ta’ Ġesù Redentur. Tant kien devot li kien imur volontarjament kull ġimgħa biex inaddaf il-post u jixgħel ix-xemgħat quddiem in-niċċa. Lil hinn mill-impenn tiegħu lejn il-komunità u l-fidi tiegħu, Leli se jibqa’ mfakkar bħala raġel ta’ valuri sodi, kif ukoll bħala raġel tal-familja li ħabb ħafna lil martu u lil uliedu.



Il-mewt tiegħu ħalliet vojt kbir fil-komunità Siġġiwija, li llum qed issellem il-memorja ta’ wieħed minn uliedha l-aktar dedikati u sinċieri.

Strieħ fis-sliem, Leli.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI