Il-kummenti kontra Amy fuq il-midja soċjali splodew wara l-aħħar episodju ta’ Love Island Malta tal-bieraħ! Amy qed issib ruħha fiċ-ċentru ta’ maltempata ta’ kritika fuq il-midja soċjali hekk kif numru kbir ta’ telespettaturi qed jesprimu x-xewqa tagħhom li jarawha tiġi eliminata mill-villa ta’ Love Island Malta.
Fil-fatt, il-kummenti kontra l-kontestanta kienu diġà qed jiċċirkolaw qabel l-episodju tal-bieraħ, iżda s-sitwazzjoni donnha ħadet żvolta ferm aktar intensa wara li Amy u Drinu spiċċaw fost it-tliet koppji bl-inqas appoġġ mill-pubbliku.
Diversi telespettaturi interpretaw ir-reazzjoni tagħha bħala waħda ta’ frustrazzjoni, b’ħafna jsostnu li hija dehret tieħu d-diżappunt tagħha fuq Drinu. Għalkemm din hija interpretazzjoni li qed issir minn numru sostanzjali ta’ segwaċi tal-programm, il-kummenti fuq il-midja soċjali juru li ħafna ħassew li Drinu spiċċa fil-mira mingħajr ma kien responsabbli għas-sitwazzjoni.
Fost il-kummenti li qed jispikkaw hemm dawk li qed jargumentaw li Amy ilha turi atteġġjament li ma jogħġobx lill-pubbliku, filwaqt li oħrajn qed jgħidu li l-aħħar episodju biss ikkonferma dak li kienu ilhom jaħsbu dwarha.
Naturalment, kien hemm dawk li iddefendewha, u li saħqu li mument ta’ tensjoni jew emozzjoni ma għandux ikun biżżejjed biex persuna tiġi ġġudikata kompletament. Xi telespettaturi rrimarkaw li l-pressjoni tal-esperjenza ġewwa l-villa tista’ twassal għal reazzjonijiet li minn barra jidhru differenti minn kif ikunu nħassu fil-mument.
Madankollu, il-maġġoranza tal-kummenti li qed jidhru online bħalissa qed jiffokaw fuq Amy, b’ħafna jiktbu li jixtiequ jarawha tkun fost il-kontestanti li jmiss li jitilqu mill-programm filwaqt li diversi kummenti jgħidu lil Drinu biex jaħrab minnha u mhux ikompli jipprova jibni relazzjoni magħha.
Jibqa’ wieħed jara jekk dawn is-sentimenti riflessi fuq il-midja soċjali humiex se jkomplu jinfluwenzaw l-opinjoni tal-pubbliku fil-jiem li ġejjin, jew jekk Amy hix se tirnexxi tbiddel il-perċezzjoni li ħafna telespettaturi qed jidhru li ffurmaw dwarha.
Facebook / Love Island Malta