Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann laqqa’ numru ta’ stakeholders ewlenin bl-għan li jimbotta l-quddiem strateġija favur l-ambjent. Għal din il-laqgħa attendew il-Ministri Miriam Dalli u José Herrera, s-Segretarji Parlamentari Clifton Grima u Dr Stefan Zrinzo Azzopardi u l-MEP Cyrus Engerer, fost l-oħrajn.
Bosta kelliema ħarġu b’mod evidenti minn studji kif bejn 50-70% tat-tniġġis fl-arja ġej mill-karozzi. Ġew aċċennati l-importanza tal-mixi, l-eżerċizzju fiżiku u l-użu tar-rota. Issemmiet l-importanza ta’ aktar spazji ħodor miftuħa, aktar tħawwil ta’ siġar u postijiet rikreattivi.

Is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech faħħar il-proattivita` tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann permezz ta’ dan il-forum konsultattiv fejn qamu punti varji fuq modi differenti ta’ trasport, ambjent sostenibbli u kif ukoll użu aħjar ta’ spazji miftuħa u rikreattivi, għal San Ġwann dejjem aħjar.

Il-Ministru Miriam Dalli stqarret kif “Permezz ta’ metodi ta’ transport ġodda u spazji miftuħa nkunu qed innaqqsu t-tniġġiż b’impatt dirett fuq saħħitna u dik t’uliedna. Huwa pożittiv li l-kunsill lokali ta’ San Ġwann ħa l-inizjattiva li janalizza l-għażliet differenti li għandna quddiemna biex ikollna proposti li nistgħu naddottaw.”

Il-Ministru José Herrera qal kemm hu “kuntent li l-kunsill lokali ta’ San Ġwann kien pront u ħa inizjattiva f’dan ir-rigward.”

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif qegħdin isiru diversi proġetti biex nużaw forom differenti ta’ trasport li jkun ta’ benefiċċju għal ħafna raġunijiet fosthom it-tnaqqis tal-emissjonijiiet, u t-tnaqqis tal-konġezzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima faħħar il-proattivita` tal-Kunsill Lokali San Ġwann li qed iressaq numru ta’ ideat u inizjattivi għal spazji miftuħa, spazji li jistgħu jintużaw għar-rikreazzjoni, u li fuq kollox jassiguraw li l-komunitajiet u l-familji tagħna ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
