Dock Music se jerġa' jirritorna fil-Baċir Numru 1 f'Bormla nhar il-Ħadd 28 ta' Ġunju, b'edizzjoni oħra li se tlaqqa' flimkien uħud mill-aktar artisti popolari fix-xena mużikali Maltija. L-avveniment, li huwa bla ħlas, tħabbar mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli flimkien maċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi.
Wara s-suċċess miksub fis-snin li għaddew, Dock Music se jerġa' jagħti l-ħajja lill-isfond storiku tal-Baċir Numru 1, li se jinbidel f'ċentru ta' mużika u divertiment għal lejl wieħed. Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li Dock Music huwa eżempju ċar ta' kif siti storiċi jistgħu jingħataw ħajja ġdida permezz ta' attivitajiet kulturali.
"Permezz ta' avvenimenti kulturali bla ħlas, qed ninkoraġġixxu lill-pubbliku jerġa' jiskopri u japprezza l-wirt lokali tiegħu f'kuntesti ġodda. Inizjattivi bħal dawn juru kif l-ispazji pubbliċi jistgħu jsiru ċentri ta' kultura u konnessjoni soċjali," sostniet il-Ministru.

Hija appellat lill-pubbliku biex jattendi għal dan l-avveniment, filwaqt li sostniet li l-Gvern se jkompli jappoġġja lill-Fondazzjoni Kottonera biex tkompli torganizza inizjattivi ta' kwalità fil-Kottonera.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi qal li Dock Music illum sar wieħed mill-avvenimenti ewlenin fil-kalendarju kulturali tal-Kottonera.
"Huwa sodisfazzjon kbir għalina li naraw tfal, żgħażagħ, ġenituri u nanniet igawdu flimkien dawn l-esperjenzi. Dan juri li Dock Music sar aktar minn kunċert; sar ċelebrazzjoni tal-komunità li tagħti ħajja ġdida lill-wirt storiku tagħna," qal Joe Mizzi.
L-avveniment se jibda fl-20:30 b'wirja minn Kurt Calleja, li rrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest u rebaħ ukoll il-festival Mużika Mużika. L-attrazzjoni ewlenija tal-lejla se tkun Ira Losco.
Fost l-artisti li se jieħdu sehem hemm ukoll Kersten Graham, Jasmine Abela, Diana Dragos u Mike Spiteri, filwaqt li l-preżentaturi Geordie Schembri u Matthew Raggio se jmexxu l-programm u jżommu l-atmosfera ħajja matul il-lejla.
Dock Music 2026 se jsir nhar il-Ħadd 28 ta' Ġunju fil-Baċir Numru 1, Bormla, mill-20:30 'il quddiem. L-attività hija bla ħlas u miftuħa għal kulħadd.