It-Teatru Manoel jippreżenta ARTi, bl-adattament bil-Malti tad-dramm Art ta’ Yasmina Reza, xogħol ta’ fama internazzjonali u rebbieħ ta’ diversi premjijiet. Il-produzzjoni se tittella’ mis-16 sat-18 ta’ Ottubru 2026 bħala parti mill-istaġun 2026/27 tat-Teatru Manoel.
Tradotta għall-Malti u b’direzzjoni ta’ Albert Marshall, ARTi tlaqqa’ flimkien tliet atturi Maltin ewlenin: Ray Calleja, Mikhail Basmadjian u Sean Buhagiar. Permezz ta’ umoriżmu ta’ livell għoli u riflessjoni li tqanqal il-ħsieb, il-produzzjoni tesplora l-ħbiberija, il-gosti u l-valuri personali li jsawru r-relazzjonijiet umani.

L-istorja ddur ma’ tliet ħbieb antiki, Marc, Serge u Yvan, li r-relazzjoni tagħhom titqiegħed għall-prova bla mistenni meta Serge jixtri pittura modernista għal somma kbira: tila li tidher kompletament bajda, immarkata biss b’linji bojod sottili. Dak li jibda bħala nuqqas ta’ qbil dwar il-valur artistiku tal-pittura malajr jinbidel f’konfront ferm aktar personali. Hekk kif l-opinjonijiet jaħbtu u t-tempra togħla, jibdew joħorġu fil-beraħ tensjonijiet li ilhom jinġemgħu, insigurtajiet u riżentimenti li qatt ma ġew espressi, u dan jhedded ħbiberija li ilha teżisti għal ħafna snin.
Permezz ta’ djalogu qawwi u umoriżmu mibni fuq osservazzjoni fina, il-kummiedja ċċelebrata ta’ Reza tistaqsi jekk ħbiberija tistax tiflaħ għal differenzi fundamentali fil-gosti, fil-ġudizzju u fil-valuri personali. Il-pittura ssir ferm aktar minn sempliċi oġġett ta’ nuqqas ta’ qbil; isservi bħala katalist li jġiegħel lit-tliet irġiel jerġgħu jeżaminaw kif iħarsu lejn xulxin u lejhom infushom.
It-traduzzjoni bil-Malti ta’ Albert Marshall tagħti lid-djalogu ta’ Reza leħen lokali frisk u kontemporanju, filwaqt li żżomm l-umoriżmu, ir-ritmu u l-kumplessità emozzjonali tax-xogħol oriġinali. Marshall imexxi wkoll id-direzzjoni tal-produzzjoni u li għandha x-xenografija ta’ Adrian Mamo.

Id-dramm ittella’ għall-ewwel darba bil-Malti fl-2023 bħala parti mill-Festival Stretta tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, f’Splendid fi Strada Stretta. Il-produzzjoni ġiet imfaħħra għall-kimika bejn it-tliet atturi, il-mod tajjeb kif wasslu l-mumenti umoristiċi u l-mod naturali li bih l-umoriżmu u t-tensjonijiet moħbija fix-xogħol ta’ Reza twasslu bil-Malti.
Issa, il-produzzjoni tirritorna fuq il-palk tat-Teatru Manoel, u toffri lill-udjenzi opportunità oħra biex igawdu din il-kummiedja affaxxinanti fit-teatru nazzjonali ta’ Malta.
ARTi se tittella’ fuq il-palk prinċipali tat-Teatru Manoel nhar il-Ġimgħa 16 u s-Sibt 17 ta’ Ottubru fit-8.00pm, u l-Ħadd 18 ta’ Ottubru fil-5.00pm. Il-produzzjoni ddum madwar 90 minuta u hija adattata għal udjenzi minn 12-il sena ’l fuq.
Għal aktar informazzjoni u biljetti, żur www.teatrumanoel.mt.