L-ewwel ħarsa uffiċjali lejn il-palk turi kunċett vibranti ispirat mill-arkitettura Maltija, id-dawl u l-atmosfera tal-festa
Il-Junior Eurovision Song Contest 2026 żvela d-disinn uffiċjali tal-palk għall-konkors ta’ din is-sena li se jsir f’Malta, u għall-ewwel darba qed tingħata ħarsa lejn spazju spettakolari ispirata mill-ispirtu u l-atmosfera tal-festa Maltija.
Id-disinn jinkludi palk ċentrali mdawwar b’elementi arkitettoniċi ispirati mit-toroq Maltin, fostom faċċati kkuluriti u gallariji tradizzjonali. Flimkien ma’ forom li jifformaw xenarju ta’ triq, dawl u spazji diġitali; dan sabiex jinħoloq ambjent Malti iżda fl-istess ħin flessibbli ħafna għall-ħtiġijiet tal-ispettaklu.

Il-kunċett ser ikun qed iwassal atmosfera ta’ festa f’ambjent modern ta’ divertiment. B’hekk, l-identità Maltija tibqa’ preżenti tul l-ispettaklu kollu, filwaqt li kull delegazzjoni jkollha l-libertà li toħloq id-dinja viżiva tagħha għall-prestazzjoni tagħha.
Il-forma ta’ ċirku fin-nofs ġie ddisinjat biex iqarreb lill-artisti aktar lejn l-udjenza u fl-istess ħin joffri firxa usa’ ta’ angoli għall-kameras, biex il-palk jibqa’ dinamiku minn kull perspettiva. L-istruttura flessibbli se tippermetti wkoll li kull kanzunetta tingħata identità viżiva tagħha permezz tad-dawl, il-grafika, il-koreografija u l-moviment.

It-tnedija tal-palk jimmarka pass importanti ieħor fit-triq lejn il-Junior Eurovision 2026 u jagħti lill-ammiraturi, xandara u lill-pajjiżi parteċipanti l-ewwel ħarsa lejn l-arena li se tilqa’ l-konkors ta’ din is-sena.
Bil-festa Maltija fil-qalba tal-kunċett viżiv, il-produzzjoni għandha l-għan li toħloq palk b’għeruq sodi fil-kultura lokali, fl-istess ħin tgħolli l-eċitament u l-emozzjoni ta’ avveniment mużikali internazzjonali.
Il-Junior Eurovision Song Contest 2026 se jsir f’Malta fl-24 ta’ Ottubru 2026.