Il-kantanta u nutara Corazon Mizzi, iddedikat messaġġ lill-mibki Aurelio. Kelmtejn mill-qalb li juru kemm kien ifisser għaliha.
Hi kitbitlu,, “Aurelio huwa persuna li fid-dinja tal-mużika tela’ bil-mod, dejjem bil-ħila tiegħu mingħajr qatt ma kellu imbuttatura jew sodda mifruxa. Dejjem qata’ bi snienu biex rebaħ il-fiduċja ta’ dawk ta’ madwaru u bil-mod il-mod beda jkun rispettat tant illi laħaq kariga wara oħra. Fuq kollox, tela’ għax kien jixraqlu. Bħala mużiċist kien imfittex ħafna speċjalment peress li kien idoqq strumenti tar-ram li mhux kulħadd kapaċi jdoqqhom. Aurelio kien magħruf ħafna għall-arranġamenti sbieħ li kien jikteb, u f’qasir żmien kien jirnexxielu joħroġ prodott ta’ livell għoli ħafna. Kien magħruf ukoll kemm bħala surmast tal-banda u anke tal-orkestra.”
Żiedet tgħid, “Aurelio kellu personalità partikolari: ma kienx ifittex l-attenzjoni: eżempju mhux se jidħol f’kamra u jibda jiġbed l-attenzjoni lejh jew jgħajjat jew ifittex li jidher. Kont taħsbu introvers. Iżda meta xi ħadd kien jitfa’ d-dawl fuqu, imbagħad kien jaf jisraq ix-xena. L-għaxqa tiegħu jgħid ir-rakkonti b’mod ikkulurit u jżejjinhom biex idaħħak. Li kellu sabiħ huwa li kien jawto-ironizza, mhux jiċċajta b’ħaddieħor.”
“Kellu preżenza kbira meta kien ikun fil-kmand tas-sitwazzjoni bħal meta kien ikun qed jidderiġi. Jikkoreġi lil kulħadd, għax hu kien sharp u perfezzjonist u jisma’ kull nota ħażina li tindaqq, imma jgħidha b’ċajta. Mhux l-ewwel darba li jgħajjar lil xi ħadd ‘injorant’ jew ‘imbeċilli’ bit-ton ċajtier u uniku tiegħu. Jew inkella jgħid xi ħaġa bħal: ‘Jien dejjem ikolli raġun’. Ħadd ma kien jieħu għalih għax kulħadd kien drah, u kien anzi juża dawn l-aġġettivi biex idaħħak u jikkoreġi mingħajr ħafna serjetà u mingħajr ma jikser jew ibaxxi lil dak li jkun. B’dan il-mod irnexxielu jirbaħ ir-rispett ta’ ħafna mużiċisti.”
Fost affarijiet oħra qalet ukoll, “Aurelio ħafna drabi uża l-espressjoni ‘Ecce Homo’ biex jesprimi kif kien iħossu wara xi trattament. U verament l-aħħar ġimgħat ta’ ħajtu jien inqarribha mal-passjoni li għex sidna Ġesù Kristu. Bħal Kristu, Aurelio ġie wiċċ imb’wiċċ mad-destin tiegħu, u kien jitlob illi Alla ma jħalliħx ibati, eżattament bħalma talab Ġesù fl-ort tal-Ġetsemani. Biss ġurnata qabel ma daħal l-isptar kien qiegħed jidderiġi l-Orkestra Filarmonika fil-festival Mużika Mużika. Dan l-avveniment kien bħal donnu l-aħħar ċena għal Aurelio – l-aħħar ċelebrazzjoni mdawwar bi sħabu bħalma Kristu kien imdawwar bl-Appostli. Hemmhekk huwa offra l-preżenza tiegħu, ix-xogħol tiegħu, it-talenti tiegħu, l-arranġamenti mużikali tiegħu bħalma Kristu offra l-ħobż u l-inbid. Fuq kollox ta l-opportunità lil dawk ta’ madwaru biex jarawh u juruh li jħobbuh għall-aħħar darba.”
Facebook / Corazon Mizzi