Bil-Filmat: Tiziana Calleja Fuq Kellymni Tgħid Li Bħalissa Il-Prijorità Tagħha Hi L-Familja

Tiziana Calleja, il-preżentatriċi, kantanta u attriċi lokali li dejjem tara b’enerġija pożittiva u spontanjetà li tiddistingwiha. F’dan l-episodju ta’ Kellymni – Il-Podcast ta’ Gwida.mt, se nsiru nafuha aktar mill-qrib, mhux biss bħala artista, imma bħala mara li tgħix b’passjoni u b’għarfien ċar ta’ dak li hu tassew importanti f’ħajjitha. Illum, Tiziana tgħid li, minkejja kemm tkun okkupata bix-xogħol, il-familja tagħha u speċjalment binha jibqgħu l-ogħla prijorità tagħha.

Tiziana tiftakar ukoll fi żmien meta kien hemm min jaħseb li qatt ma ridet tfal, għax kienet dejjem tidher impenjata mmens bil-karriera tagħha. Iżda hi qatt ma qalet hekk, sempliċement kienet iffokata fuq ix-xogħol u l-passjoni kbira li għandha għall-arti. Issa, bħala omm, tħoss li sabet bilanċ ġdid li jagħti sens ġdid lil ħajjitha.

Matul il-podcast, Tiziana tiftaħ qalbha dwar l-esperjenzi diffiċli li għaddiet minnhom meta kienet żgħira, inkluż meta ma ġietx mogħtija ċansijiet f’ċerti produzzjonijiet minħabba d-dehra tagħha. Iżda dawn l-esperjenzi ma kissruhiex – bil-maqlub, għamluha aktar determinata biex tkompli tagħmel dak li tħobb u biex issir vuċi ta’ kuraġġ għal oħrajn.

Ingħaqdu magħna għal dan l-episodju ta’ Kellymni – Il-Podcast ta’ Gwida.mt, ippreżentat minn Melanie Kelly, għada, it-Tnejn 15 ta’ Diċembru, mit-20:00 ’il quddiem. Episodju li se juri min hi Tiziana u l-valuri li tħaddan.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI