“B’Sobgħa Kbira Tħabbar Il-Mewt Ta’ P.Ġulju Bonnici OSA, Li Mar Jiltaqa’ Mal-Mulej” – Il-Provinċja Agostinjana Maltija

Il-Provinċja Agostinjana Maltija b’sogħba kbira tħabbar il-mewt ta’ P. Ġulju Bonnici OSA.

” Il-Provinċja Agostinjana Maltija b’sogħba kbira tħabbar il-mewt ta’ P. Ġulju Bonnici OSA. li mar jiltaqa’ mal-Mulej illum 6 ta’ April 2026, fl-età sabiħa ta’ 100 sena li għalaqhom fl-10 ta’ Novembru 2025.

Il-funeral ta’ ħuna P. Ġulju Bonnici ser isir nhar l-Erbgħa 8 ta’ April fil-Knisja Parrokjali ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta fid-9.30am. Qabel il-quddiesa il-ġisem ta’ ħuna P. Ġulju ser jitqiegħed fl-Oratorju tal-Madonna taċ-Ċintura (biswit il-Kunvent) għat-tislima tal-pubbliku. Id-difna ssir imbagħad fl-oqbra tal-Provinċja Agostinjana fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.

Bħala reliġjuż u saċerdot, P.Ġulju serva f’diversi komunitajiet Agostinjani f’Malta u anke barra minn Malta. Wara l-Ordinazzjoni Saċerdotali l-ewwel ħidma tiegħu kienet fil-Komunità tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb f’Paceville fejn serva mill-1950 sal-1952. Wara għex u serva fil-Komunità tal-Kunvent ta’ Santa Rita f’San Ġiljan sal-1955 sakemm intbagħat fil-Kunvent ta’ Ħal Tarxien fejn fost affarijiet oħra kien l-ewwel direttur tal-Oratorju.

Sadanittant P. Ġulju kien diġa għalliem fil-Kulleġġ Santu Wistin u issa f’Ħal-Tarxien kompla jagħti s-sehem tiegħu fl-istess Kulleġġ. Fl-1961 P. Ġulju tela’ l-istati Uniti fejn kiseb M.A. fil-Matematika mill-Universita ta’ Villanova, f’Pensylvania. Sakemm kien fl-Istati uniti serva bħala Saċerdot u għalliem f’Richmond fi New Jersey. Lura Malta kien rettur tal-Kulleġġ Santu Wistin, propju fis-snin meta l-Kulleġġ ġie trasferit minn Ħal Tarxien għall-ispazji l-ġodda f’Tal-Pieta.

Fl-1970 intbagħat fil-Kunvent tal-Belt Valletta u baqa hemmhekk prattikament għall-bqija tal-ħajja tiegħu. Meta kiber sew fl-età u saħħtu marret xi ftit lura, ġie deċiż li jiġi rikoverat fid-Dar tal-Kleru fejn kien ilu jgħix għal dawn l-aħħar ħames snin.

L-aħwa agostinjani jirrakomandawh fit-talb sabiex il-Mulej jilqgħu fil-ħniena tiegħu u jagħtih il-ħlas ta’ dak kollu li ħadem għalih matul ħajtu.Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Ammen.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI