Caritas Malta esprimiet sodisfazzjon wara li l-Parlament approva b’mod unanimu miżuri aktar stretti dwar is-sigurtà fit-toroq, inkluż l-introduzzjoni ta’ testijiet każwali fuq ix-xufiera fit-toroq u pieni aktar ħorox għal reati serji tat-traffiku.
Fl-istess ħin, l-organizzazzjoni enfasizzat li dawn il-liġijiet jistgħu jagħmlu differenza konkreta biss jekk jiġu infurzati b’mod effettiv u viżibbli. Fi stqarrija, Caritas Malta fakkret li ilha tappella biex jiġu introdotti testijiet każwali bħala miżura ta’ prevenzjoni biex jitnaqqas is-sewqan taħt l-influwenza ta’ sustanzi u biex tiġi mħarsa s-sigurtà tal-pubbliku.
L-organizzazzjoni qalet li tappoġġja b’mod ċar kull inizjattiva li tgħin biex tiżdied is-sigurtà fit-toroq, iżda sostniet li l-effett reali ta’ dawn il-miżuri jiddependi mill-infurzar tagħhom. Madankollu, Caritas Malta wissiet ukoll dwar dak li sejħet bħala normalizzazzjoni dejjem tikber tal-użu tad-droga fis-soċjetà.
Fost l-oħrajn, semmiet il-każijiet fejn ħwienet jibqgħu jbigħu alkoħol lil minuri, kif ukoll il-promozzjoni tal-kannabis minn ħwienet li jbigħu prodotti b’livell baxx ta’ THC. Caritas enfasizzat ukoll il-ħtieġa urġenti li tiġi infurzata l-liġi tal-kannabis li tipprojbixxi l-użu tagħha f’postijiet pubbliċi u quddiem it-tfal.
L-organizzazzjoni qalet li hemm ukoll numru ta’ prodotti semi-sintetiċi tal-kannabis u prodotti li jittieklu (edibles) li huma pprojbiti iżda xorta għadhom jinstabu fuq l-ixkafef tal-ħwienet, fejn jistgħu jkunu aċċessibbli għal kulħadd, inkluż għat-tfal.
Skont Caritas Malta, dawn is-sitwazzjonijiet qed jikkontribwixxu għal mentalità li tagħti l-impressjoni li l-użu ta’ sustanzi huwa xi ħaġa bla konsegwenzi. L-organizzazzjoni temmet tgħid li biex jinħoloq ambjent aktar sigur għall-familji u għall-pubbliku inġenerali, hemm bżonn li l-liġijiet effettivi, il-ħidma ta’ prevenzjoni u l-infurzar jimxu id f’id.