Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom Noah's Ark Dog Sanctuary Malta, laqqgħu lis-segwaċi tagħhom ma’ Cookie, kelba li għandha 8 snin iżda li għadha qed tfittex id-dar dejjiema tagħha.
Huma qalu, “Veru li jien kelba kbira fl-età, imma għadni żgħażugħa fil-qalb u mimlija mħabba. Darba kelli dar – post fejn kont maħbuba – imma meta sidi marad, kollox inbidel. Minn dakinhar ‘l hawn, ilni nistenna. Kuljum nara familji jgħaddu minn quddiemi, nittama li waħda minnhom tieqaf u tarani għal min jien tassew – mhux biss kelba kbira fl-età, imma qalb mimlija mħabba u ruħ li għadha tixtieq tħossha maħbuba.”
Żiedu, “Ma nitlobx ħafna; dar kwieta, sodda ratba, u qalb tajba biex naqsam magħha s-snin tad-deheb tiegħi. Jiena kalma, kwieta, naf inħobb, u għadni nħobb ukoll xi mixja żgħira u xi ftit fsied. Biss jeħtieġli l-paċi, ma rridx kaos u storbju jew djar impenjattivi ħafna, u lanqas annimali domestiċi oħra. Irrid li nkun l-unika waħda ta' xi ħadd.”
Jekk hawn xi ħadd interessat li jagħti dar lil Cookie jew jixtieq aktar informazzjoni għandu jagħmel kuntatt fuq il-paġna ta’ Noah's Ark Dog Sanctuary Malta.
Ixxerja dan l-artiklu forsi ngħinu nsibulha dar!