Wara t-tempesta Harry, ir-ristorant magħruf Pierre’s Restaurant f’Marsalforn ġarrab ħsarat estensivi li ġew deskritti bħala irriversibbli.
Il-mewġ qawwi ħalla warajh xenarju ta’ qerda totali, b’snin ta’ xogħol u investiment li ntilfu f’temp ta’ ftit sigħat. Minkejja l-gravità tal-ħsarat, is-sidien esprimew serħan il-moħħ li ħadd ma weġġa’ waqt dan l-inċident.
F’messaġġ emozzjonali, is-sidien qalu li “għalkemm qalbna maqsuma, aħna grati immens li kulħadd jinsab sigur”, filwaqt li rringrazzjaw lill-klijenti, lill-ħbieb u lill-familja għall-appoġġ kontinwu tagħhom f’dan iż-żmien diffiċli.
Intant, xogħlijiet ta’ tiswija diġà bdew, u qed isir kull sforz possibbli biex Pierre’s Restaurant jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu mill-aktar fis. Aktar aġġornamenti se jingħataw hekk kif is-sitwazzjoni tiżviluppa.