Filmat meħud minn Mark Galea Pace juri x-xena li hemm dalgħodu f'Baħar iċ-Ċagħaq, sewwasew fis-Sikka s-Safra, wara t-traġedja li seħħet ilbieraħ hemmhekk fis-sigħat ta' filgħaxija. Fil-filmat, dgħajsa tidher inkaljata ma' sikka wara l-inċident tal-bieraħ.
Ġie rrappurtat mill-midja lokali kif it-traġedja sfortunatament serqet il-ħajja ta' raġel ta' 48 sena filwaqt li ħalliet lil raġel ieħor ta' 44 sena u lil tifel ta' 14-il sena jiġġieldu għal ħajjithom.
Dalgħodu omm it-tfajjel ta' 14-il sena ħarġet ukoll appell fuq il-midja soċjali fejn talbet lill-pubbliku sabiex iżomm lil binha f'talbu, filwaqt li nkorraġġiet lil binha ma jaqtax qalbu u jkompli jiġġieled għal ħajtu.
Jistrieħ fis-sliem ir-raġel li tilef ħajtu lbieraħ f'din it-traġedja u nittamaw li jkunu f'qagħda aħjar it-tnejn l-oħra li bħalissa qed jiġġieldu għal ħajjithom.
Mark Galea Pace