Il-paġna ta’ Facebook ta’ Civil Protection Malta ittella’ dan il-messaġġ fejn jgħid,
“Dikjarazzjoni Konġunta bejn il-BCA, l-OHSA u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), flimkien mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD), tinforma li l-operazzjoni ta’ twaqqigħ ikkontrollat tas-sit fi Triq Paceville, San Ġiljan, intemmet.
Din l-operazzjoni, li damet għaddejja għal tlett ijiem, saret taħt il-koordinazzjoni tal-BCA u tal-CPD, bl-appoġġ tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), il-Pulizija, Transport Malta, LESA, id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, Enemalta, id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma, l-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni u l-kuntratturi privati involuti.
Fil-jiem li ġejjin, il-BCA se tkompli bit-tieni fażi tax-xogħlijiet, li tinkludi t-tindif tas-sit u l-ftuħ tat-triq. Dan il-proċess se jkompli jsir taħt superviżjoni sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-binjiet tal-madwar u tas-soċjetà.
Fl-istess ħin, il-BCA tinsab f’kuntatt kontinwu man-nies affettwati, b’mod partikolari dawk li ġew evakwati mid-djar u n-negozji tagħhom, sabiex fil-jiem li ġejjin jibda l-proċess tar-ritorn tagħhom, fejn possibbli.
L-investigazzjoni biex tiġi stabbilita l-kawża tal-inċident se tkompli. Din qed titmexxa minn professjonisti indipendenti maħtura mill-BCA.
L-entitajiet involuti jirringrazzjaw lill-ħaddiema kollha li ħadu sehem f’din l-operazzjoni delikata, kif ukoll lir-residenti u lis-sidien tal-istabbilimenti għall-kooperazzjoni sħiħa tagħhom.”