Il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, u b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali, kburin li ħabbru t-tnedija tal-Malta Animal Honours Awards.
Dalgħodu, il-Ministru Anton Refalo fuq il-mezzi soċjali tiegħu kiteb, “Ara lil min għandi miegħi dalgħodu Luna. Il-kelba li kulħadd iħobb u bis-saħħa tagħha tgħidx kemm tgħallmu tfal fuq l-annimali. Edizzjoni oħra tal-Animal Honours Awards imħabbra! Inħeġġeġ lil kulħadd biex jinnomina fuq din il-ħolqa.”
Dan l-avveniment hu ċelebrazzjoni speċjali mhux biss għall-ħbieb tagħna bil-pil, iżda wkoll għal dawk l-individwi dedikati li jaħdmu bla waqfien sabiex jippromovu u jipproteġu d-drittijiet tal-annimali ta’ kuljum.
Huma jħeġġu lill-pubbliku sabiex jippreżenta n-nominazzjonijiet tiegħu, u jaqsam stejjer ta’ ispirazzjoni dwar l-annimali u nies li tassew jistħoqqilhom l-għarfien fil-kategoriji rispettivi tagħhom. In-nominazzjonijiet jibqgħu miftuħa sal-Ġimgħa 18 ta’ Lulju 2025.
Bord ta’ ġurati maħtur mill-Ministeru se jevalwa s-sottomissjonijiet kollha u jagħżel tliet finalisti għal kull kategorija. Dawn imbagħad se jiġu sottomessi għal vot pubbliku, u min jikseb l-akbar ammont ta’ voti jkun id-dominant fil-kategorija tiegħu.
L-annimali li jaslu fil-finali u l-persuni li jieħdu ħsiebhom, flimkien mal-persuni nominati, se jiġu mistiedna jattendu ċ-ċerimonja tal-premjijiet li se ssir fil-4 ta’ Ottubru 2025.
Din hija opportunità unika biex nagħtu ġieħ lil dawk li jżommu l-ġid tal-annimali f’qalbhom u f’għemilhom.
Facebook / Anton Refalo