Il-Ministeru għas-Saħħa jinsab infurmat li erba’ anzjani mietu waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19. Jidher li tliet każijiet kienu ġewwa l-isptar Mater Dei u każ ieħor kien ġewwa San Vinċenz.
Fl-ewwel każ, anzjana ta’ 79 sena li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fil-21 ta’ Novembru mietet fid-29 ta’ Novembru fl-Isptar Mater Dei. Filwaqt li t-tieni każ kien dak ta’ anzjana ta’ 80 sena li ġiet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fil-25 ta’ Novembru u mietet ilbieraħ fl-Isptar Mater Dei.
Fit-tielet każ, anzjan ta’ 73 sena li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fis-16 ta’ Novembru miet ilbieraħ fir-Residenza San Vinċenz de Paule. Waqt li r-raba’ każ hu t’anzjan ta’ 67 sena li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fil-15 ta’ Novembru u dan miet ilbieraħ fl-Isptar Mater Dei.
Il-Ministeru għas-Saħħa, filwaqt li jagħti l-kondoljanzi lill-familjari tal-anzjani, jappella biex kulħadd jimxi mal-miżuri ta’ prevenzjoni b’hekk biss nistgħu nipproteġġu lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.