Erba’ Xhur Ħabs Għal Omm Wara Li Ħebbet Għall-Kap U L-Assistent Kap Ta’ Skola Primarja

Omm ta’ ħamest itfal ta’ 43 sena ġiet ikkundannata erba’ xhur ħabs effettivi wara li ammettiet li ħebbet fiżikament għall-kap u l-assistent kap tal-Iskola Primarja tal-Kalkara. Il-każ seħħ fl-4 ta’ Mejju 2026, meta l-mara daħlet fl-uffiċċju tal-kap tal-iskola u tajret diversi oġġetti minn fuq l-iskrivanija tagħha. Sussegwentement qabdet lill-kap minn xagħarha biż-żewġ idejn u ġibditilha xagħarha b’tant saħħa li nqala’ f’biċċiet.

L-assistent kap, uffiċjal tas-sigurtà tal-iskola u uffiċjal tal-Pulizija stazzjonat fl-iskola ppruvaw iwaqqfu l-aggressjoni, iżda l-mara baqgħet ma riditx titlaq lill-kap. Kien biss meta waslu aktar uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit li l-aggressjoni setgħet titwaqqaf. Kemm il-kap kif ukoll l-assistent kap sofrew ġrieħi ħfief.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia nnutat li l-akkużata kienet aġixxiet fuq suspett li ma kellux bażi, hekk kif kienet temmen li l-kap tal-iskola kienet influwenzat lil wieħed minn uliedha minuri biex jitlaq mid-dar u jmur jgħix ma’ missieru.

Iż-żewġ uffiċjali tal-iskola xehdu dwar l-ansjetà u l-biża’ li esperjenzaw wara l-inċident. Il-Qorti semgħet ukoll li dak li ġara ħalla effett qawwi fuq il-membri tal-istaff tal-iskola, filwaqt li l-kap kellha bżonn appoġġ psikoloġiku wara l-aggressjoni. L-omm ammettiet l-akkużi kollha miġjuba kontriha u kkonfermat l-ammissjoni tagħha wara li l-Qorti spjegatilha li setgħet teħel piena massima ta’ erba’ snin ħabs u multa ta’ €15,000.

Uffiċjal tal-probation kien irrakkomanda li l-mara tingħata probation u għajnuna psikoloġika ffukata fuq il-ġestjoni tar-rabja u tal-emozzjonijiet. Madankollu, il-Maġistrat Farrugia ma laqgħetx din ir-rakkomandazzjoni u sostniet li vjolenza fiżika kontra edukaturi titlob piena effettiva u stretta sabiex jinżamm l-ordni pubbliku.

Il-Qorti rrikonoxxiet ukoll ir-rimors ġenwin li wriet l-akkużata għal dak li għamlet, iżda qieset li dan ma kienx biżżejjed biex jeħlisha minn sentenza ta’ priġunerija effettiva minħabba n-natura vjolenti tal-inċident. Għaldaqstant, il-mara ġiet ikkundannata erba’ xhur ħabs effettivi u multa ta’ €1,200. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin għall-protezzjoni tal-kap u l-assistent kap, li tidħol fis-seħħ malli l-mara tiskonta s-sentenza tagħha.

Ritratti:

Facebook / SMC Patri Wistin Born Kalkara Primary

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI