Lejla Speċjali Fil-Belt Valletta: Jon & Jo Minn S Club, Bianca Muniz U Rekord Nazzjonali B’Risq Ir-Riċerka Dwar Il-Kanċer

Nhar il-Ħamis, 24 ta’ Settembru, Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta se tinbidel f’post ta’ mużika, divertiment, tama u għaqda hekk kif il-Cancer Research and Innovation Hub Malta (CRIHM) se jorganizza attività nazzjonali kbira bħala parti mill-kampanja Show Your Face – Uri Wiċċek.

L-attività, li tibda mis-18:00 ’il quddiem u hija kompletament bla ħlas, se tlaqqa’ flimkien artisti internazzjonali u Maltin, familji, persuni milquta mill-kanċer, organizzazzjonijiet u riċerkaturi f’serata li għandha messaġġ wieħed ċar: li bħala soċjetà nuru wiċċna u ningħaqdu flimkien b’risq ir-riċerka dwar il-kanċer.

Fost l-aktar mistednin mistennija se jkun hemm Jon & Jo minn S Club, li se jitilgħu fuq il-palk f’Malta u jġibu magħhom il-mużika pop u l-enerġija li għamlet lill-grupp tant popolari. Magħhom se tingħaqad ukoll il-kantawtriċi Amerikana Bianca Muniz, li għelbet il-kanċer tliet darbiet. Il-preżenza tagħha tagħti perspettiva personali ħafna lill-kampanja, hekk kif l-istorja tagħha tgħaqqad flimkien il-mużika, is-saħħa, il-kuraġġ u t-tama.

Il-palk se jilqa’ wkoll numru ta’ artisti Maltin magħrufa, fosthom Destiny, Kurt Calleja, Sarah Bonnici, Lisa Gauci, Justine Shorfid, Kyle George u Dawn, filwaqt li DJ Tenishia se jagħlaq is-serata bil-mużika tiegħu.

Mument partikolarment speċjali se jkun it-tnedija tal-kanzunetta oriġinali “TAMA”, miktuba apposta għall-kampanja Show Your Face u interpretata minn Owen Luellen u Maxine. Il-kanzunetta se tindaqq għall-ewwel darba proprju waqt din is-serata. Iżda l-qofol tal-attività mhux se jkun biss fuq il-palk.

CRIHM qed jistieden lill-pubbliku biex jingħaqad flimkien ħalli jiġi stabbilit rekord nazzjonali permezz ta’ żigarella umana dwar il-kuxjenza fil-kanċer. Il-ħsieb hu li mijiet ta’ persuni jingħaqdu biex joħolqu simbolu viżiv qawwi ta’ tama, solidarjetà u appoġġ lejn ir-riċerka tal-kanċer. Għaldaqstant, il-pubbliku huwa mistieden li jiġi bi flokk abjad għal din ir-raġuni.

Se jkun hemm ukoll spazju fejn il-pubbliku jista’ jieħu ritratt u jkun parti mill-Wall of Faces, inizjattiva li turi l-uċuħ ta’ dawk li qed jagħżlu li juru l-appoġġ tagħhom għar-riċerka.

Il-familji wkoll se jsibu diversi attivitajiet. Se jkun hemm żona għat-tfal b’attivitajiet divertenti u xjentifiċi, kif ukoll numru ta’ NGOs u organizzazzjonijiet fil-qasam tal-kanċer li se jkunu preżenti biex juru l-ħidma u s-servizzi tagħhom. Il-Mobile Unit ta’ CRIHM se tkun preżenti wkoll biex joffri testijiet tas-saħħa b’xejn, filwaqt li fil-pjazza se jkun hemm ukoll ikel u xorb.

Nhar l-24 ta’ Settembru, CRIHM qed jistieden lill-familji Maltin u Għawdxin biex jiġu l-Belt Valletta, jieħdu sehem f’din is-serata u, fuq kollox, juru wiċċhom għar-riċerka dwar il-kanċer. Id-dħul huwa b’xejn.

Għal aktar informazzjoni żuru crihm.eu jew fuq il-paġni soċjali ta’ CRIHM.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI