Wara ġimgħa intensiva u mimlija emozzjonijiet, il-kantanta Maltija Gaia Cauchi li kienet waħda mill-preżentaturi qasmet messaġġ mill-qalb fuq il-midja soċjali tagħha, fejn irringrazzjat lil dawk kollha li kienu parti mill-esperjenza tal-Malta Eurovision Song Contest.
Fil-messaġġ tagħha, Gaia bdiet billi rriflettiet fuq in-natura ta’ kull vjaġġ, u qalet li “kull bidu għandu t-tmiem”, waqt li esprimiet gratitudni kbira lejn it-tim ta’ produzzjoni li, skont hi, afdat fihom b’mod sħiħ u ħadmu b’dedikazzjoni kbira mill-kunċett sal-eżekuzzjoni.
“Ringrazzjament kbir lit-tim tal-produzzjoni inkredibbli li afda fina u li poġġa tant ħila, arti u paċenzja f’dan l-ispettaklu. Kull dettall kien maħdum b’intenzjoni u b’għożża, u kienet tassew ta’ ispirazzjoni li tara kif kollox ingħaqad b’dal-mod bla xkiel.”
Gaia enfasizzat kemm kienet grata għall-opportunità u għall-fiduċja li ngħatat matul il-proċess kollu, u rrikonoxxiet ix-xogħol kollettiv li wassal għal produzzjoni ta’ livell għoli.
Parti speċjali mill-messaġġ tagħha kienet iddedikata lill-ko-preżentaturi tagħha, Keane Cutajar u Destiny, fejn tkellmet b’mod sinċier dwar ir-relazzjoni li żviluppat bejniethom matul il-ġimgħa tal-MESC. “Rari ssib nies li jaqblu mal-pass tiegħek, mal-enerġija tiegħek u mal-qalb tiegħek. Il-chemistry li rajtu fuq il-palk ma kinitx irrekordjata jew ippjanata, kienet naturali, faċli u ġenwina.”
Hi żvelat ukoll kemm il-ġranet kienu intensi, b’sigħat twal ta’ provi u preparazzjoni, iżda minkejja l-pressjoni kollha, l-esperjenza xorta waħda baqgħet waħda ferriħija.
“Qattajna kważi tmintax-il siegħa kuljum flimkien, nippruvaw, nikteb, nikkoreġu u nappoġġjaw lil xulxin, dejjem bl-istess għan: li nagħtu l-aħjar tagħna lill-udjenza. U b’xi mod, anke f’nofs il-kaos, huma rnexxielhom jagħmluha esperjenza sabiħa.”
Gaia ma nesietx tirringrazzja wkoll lit-tim personali tagħha li ħa ħsieb id-dehra tagħha fuq il-palk u offrilha sostenn kostanti matul il-ġimgħa, kif ukoll lill-pubbliku kollu li segwa, bagħat messaġġi u wera appoġġ kontinwu. “Inħoss l-appoġġ tagħkom u jiena gratissima. Intom għamiltu din l-esperjenza aktar speċjali, u qatt mhu se ninsieha.”
Fl-aħħar nett, Gaia awgurat ukoll lil Aidan, ir-rebbieħ tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-MESC, u ddeskriviet ir-rebħa tiegħu bħala waħda mistħoqqa.
Facebook / Gaia Cauchi