It-tim ta’ The People of Malta qed jippubblika dan l-appell uman b’sens qawwi ta’ solidarjetà u tama, biex flimkien ngħinu persuna li teħtieġ l-appoġġ.
“Filli kont persuna narmi s-saħħa, inrabbi familja bi tlett itfal, filli spiċċajt dipendenti minn ħaddieħor. Ġimgħa qabel l-inċident tweldilna t-tifel iż-żgħir. Fl-2023 kelli inċident ikrah li ħallieni pparalizzat f’siġġu tar-roti.”
Hekk jistqarr Roderick Zerafa, missier ta’ tlett itfal, li ħajtu nbidlet mil-lejl għan-nhar wara inċident waqt li kien jiżbogħ.
Dakinhar, waqt li kien qed jiżbogħ saqaf tal-pjanċi fl-għalqa, ċeda bih u waqa’. Wara l-waqgħa, Roderick spiċċa mimdud mal-art, ma jistax jiċċaqlaq. Għamel madwar tliet sigħat waħdu sakemm sabu missieru u ssejħet l-ambulanza.
Fl-isptar instab li kien sofra ħsara serja fis-sinsla ta’ dahru. “Operawni u wara spiċċajt rikoverat għal sentejn sħaħ fl-isptar Karin Grech. Ħajti nbidlet mil-lejl għan-nhar. Filli kont niġri, bniedem attiv, inħobb il-bodybuilding u filli spiċċajt fuq dan is-siġġu tar-roti.”
Roderick ikompli jgħid, “Fl-ewwel sena tal-inċident, moħħi kien f’post ikrah. Imnalla għandi l-mara, it-tfal u l-familja li jħobbuni u naħseb fihom. Titgħallem li trid tadatta. Ma ridtx naqta’ qalbi.”
Determinazzjoni li ma taqtax qalbek wasslitu biex ifittex trattamenti innovattivi barra minn Malta. Dan il-proċess swielu madwar mitt elf ewro, iżda għamel differenza kbira fil-progress tiegħu.
Illum Roderick sab ċentru speċjalizzat fil-Ġermanja fejn jista’ jsirlu intervent ieħor biex jittejbu aktar il-movimenti ta’ ġismu. Minħabba l-ispejjeż involuti, Roderick jeħtieġ għajnuna finanzjarja.
“Nixtieq li tal-inqas niġi indipendenti u mqar jirnexxili mmur sat-toilet waħdi. Dak ikun diġà suċċess,” jgħid b’umiltà u tama.
Kull donazzjoni, żgħira jew kbira, tista’ tagħmel differenza konkreta fil-ħajja ta’ dan il-missier u raġel tal-familja.
Ejjew ningħaqdu ma’ The People of Malta u noffru l-appoġġ lil Roderick. Biex tagħti d-donazzjoni tiegħek, tista’ tidħol HAWN