Omm Kayden, xtaqet titkellem dwar l-istorja ta’ binha, biex turi l-apprezzament tagħha lejn Inspire u lejn l-appoġġ kollu li sabet mingħandhom.
Hi spjegat, “Kont nippreferi noqgħod id-dar milli niġi ġġudikata. Jiddispjaċik. Jien il-biża’ tiegħi tkun, li bħalissa hawn jiena u missieru qegħdin miegħu u nagħmlu kollox għalih. Li dejjem nhewden ġo moħħi li Allaħares qatt jiġi nieqes jien jew ir-raġel, x’ħa jiġri minnu? Dik kontinwa ġo moħħi. Jgħidulek taħsibx fil-futur imma qas tista’ ma taħsibx.”
Żiedet tgħid, “Dejjem nitlob li forsi joħroġ iktar kliem, ħalli jkun hemm iktar komunikazzjoni. Inħallu f’idejn il-Bambin. Darba konna d-dar u f’daqqa waħda nisimgħu jgħid ‘Mummy’. Ġejt dubju hux veru qal il-kelma, imbagħad reġa’ qalha u baqa’ jgħidha.”
Kompliet titkellem, “Fl-aħħar mill-aħħar inutli toqgħod tibki, taħdem trid biex tara lit-tifel jimxi ‘l quddiem. Bħalissa qed nagħmel l-almu tiegħi għalih u ħa nibqa’ nagħmel. Mill-Inspire rajna ħafna improvement. Ikun ħerqan biex imur. L-Inspire lanqas għandi biżżejjed kliem biex nirringrazzjahom.”