Malta Bl-Akbar Żieda Fil-Popolazzjoni Fl-UE – Taħsbu Li Għandna Nkomplu Nikbru B’Din Ir-Rata?

Min jgħix Malta żgur li fl-aħħar snin innota kemm il-pajjiż inbidel – aktar nies fit-toroq, aktar karozzi, aktar bini u komunità li saret ferm aktar internazzjonali. Issa ċ-ċifri tal-Eurostat juruna kemm fil-fatt kienet kbira din il-bidla.

Bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-1 ta’ Jannar 2025, il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet bi 30.9% – l-akbar żieda perċentwali fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea matul dawn l-għaxar snin.

Fit-tieni post insibu lil-Lussemburgu, b’żieda ta’ 21.1%. Biex nagħmlu ftit paragun, matul l-istess perjodu l-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi żdiedet b’1.8%. Skont il-Eurostat, il-migrazzjoni netta kienet il-fattur ewlieni wara ż-żieda fil-popolazzjoni tal-UE.

Malta kompliet tikber. Fl-1 ta’ Jannar 2025, il-popolazzjoni kienet madwar 574,000 persuna, filwaqt li Malta għandha wkoll l-ogħla densità tal-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

Naturalment, żieda fil-popolazzjoni tista’ ġġib magħha aktar ħaddiema, konsumaturi u attività ekonomika, iżda fl-istess ħin tqajjem diskussjonijiet dwar it-traffiku, l-infrastruttura, il-bini, l-akkomodazzjoni u l-kwalità tal-ħajja.

X'taħsbu?

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI