Illum qed jiċċelebraw 11-il sena miżżewġin il-koppja Charmaine u Daniel Ferrigi. Ta’ kuljum, l-ammirazzjoni tal-pubbliku lejn din il-koppja dejjem tiżdied hekk kif huma jkomplu jservu dejjem ta’ spalla għal binthom iċ-ċkejkna Kate li sfortunatament issofri minn kundizzjoni rari.
Il-koppja taspira li l-vjaġġ ta’ ħajjet Kate mimli determinazzjoni u perseveranza jservi ta’ ispirazzjoni għal oħrajn u proprju għal din ir-raġuni huma anke jaqsmu s-suċċessi kif ukoll l-isfidi li binthom ikollha taffaċja b’mod regolari fuq il-midja soċjali.
Dalgħodu huma rriflettew dwar dan it-traġitt li huma jirikonoxxu li seta’ jseħħ biss permezz tal-imħabba li hemm bejniethom. Isemmu kif huma ma jħarsux lejn il-kundizzjoni rari li għandha binthom bħala limitazzjoni tant li dejjem jaraw li l-vuċi tagħha jkun mismugħ u li d-dinja tagħha tkun waħda iżjed sigura u inklussiva.
Charmaine u Daniel fil-messaġġ li kitbu fuq il-paġna soċjali ta’ binthom jitkellmu wkoll dwar is-sagrifiċċji li din il-kundizzjoni rari ġġib magħha. Dan hekk kif b’mod regolari huma jieħdu lil binthom sabiex tagħmel terapiji varji, iżda jfissru s-sodisfazzjon tagħhom li dawn is-sessjonijiet dejjem jgħinu lil Kate sabiex tikber u timraħ emozzjonalment kif ukoll fiżikalment.
Prosit lil Charmaine u Daniel tad-determinazzjoni u l-kuraġġ tagħhom. Nawgurawlhom f’jum l-anniversarju tagħhom għal iżjed snin ta’ mħabba!
Facebook / Kate: Writing My Story