Skont tbassir maħruġ miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), il-każijiet ta’ kuljum tal-Covid-19 fil-Gżejjer Maltin huma mistennija li jibqgħu fil-medda ta’ tliet ċifri, anke f’Jum il-Milied.
Il-projezzjonijiet, li ġew ippubblikati din il-ġimgħa, jagħtu ħarsa lejn kif jista’ jkun l-istaġun tal-festi ta’ din is-sena madwar l-Ewropa. It-tbassir għall-Gżejjer Maltin juri li se jiġu rreġistrati ftit inqas minn 200 każ kuljum, inkluż nhar il-Milied, b’erba’ mwiet kuljum sal-istaġun tal-festi.

L-informazzjoni rrappurtata tissuġġerixxi li każijiet ġodda jistabbilizzaw ix-xahar id-dieħel, u jgħidu li l-projbizzjoni fuq avvenimenti tal-massa, l-għeluq ta’ postijiet pubbliċi (fil-każ ta’ Malta, bars u każini), u l-ilbies obbligatorju tal-maskra huma kollha kkunsidrati mi’uri b’saħħtihom, skont l-ECDC.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-Istitut għall-Metrika u l-Evalwazzjoni tas-Saħħa (IHME) qal li ċ-ċifri tal-mewt ta’ kuljum f’Malta huma mistennija li jilħqu s-sitt kuljum sa nofs Diċembru.

Fl-aħħar rapport tal-ECDC, jgħid li qed iħares ukoll lejn ‘xenarju alternattiv’ li potenzjalment jista’ jara pajjiżi jerġgħu lura għall-miżuri li kellna f’April, fejn f’Malta kellna ħwienet mhux essenzjali u skejjel magħluqa u l-ivvjaġġar kollu kien ġie pprojbit u l-vulnerabbli kellhom jibqgħu ġewwa.
Kieku dawn il-miżuri jerġgħu jiġu implimentati, l-ECDC jemmen li n-numru ta’ kuljum ta’ każijiet ġodda jista’ jonqos għal taħt il-50, bl-imwiet jonqsu wkoll għal madwar tnejn kuljum.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Prim Ministru Robert Abela eskluda l-possibbiltà ta’ lockdown. Ilbieraħ filgħaxija, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar fuq Xtra li l-bars se jibqgħu magħluqa sal-Jum tas-Sena l-Ġdida għall-kuntrarju li jerġgħu jinfetħu nhar it-Tlieta 1 ta’ Diċembru.