Gwida.mt tkellem mad-disinjatur lokali Gaetano, minn ‘Couture By Gaetano’. Gaetano huwa disinjatur b’talent kbir u ħadem diversi lbiesi għal ħafna personalitajiet, fosthom kantanti, bħal Claudia Faniello u Janice Mangion u influencers, bħal Sarah Zerafa.
Gaetano, fis-7 ta’ Settembru se joħroġ kollezzjoni ġdida, li ġġib l-isem ta’ ‘The Butterfly Collection’. Nistgħu ngħidu li din il-kollezzjoni se tkun totalment differenti minn dak li naraw issoltu! Gaetano qalilna li mhux se juża mudelli biex jesebixxi din il-kollezzjoni, iżda se jagħmel kunċert bil-kantanti lokali. X’idea oriġinali hux!
Gaetano qalilna li waħda mill-akbar ispirazzjonijiet tiegħu hi l-mużika, li għandha parti importanti ħafna f’ħajtu. Fil-fatt qalilna “fix-xows li għamilt qabel, dejjem daħħalt xi kantanta jew kantanti mal-mudelli, però din is-sena ridt li nagħmel xi ħaġa kompletament differenti u flok noħroġ il-kollezzjoni f’forma ta’ fashion show, riedt li noħroġha bħala kunċert bil-kantanti.”
Tajjeb ngħidu li dan il-kunċert se jkun iddedikat lill-kantanta Mariah Carey. Gaetano qalilna li għażel propju lil din il-kantanta għax huwa “fanatiku” fuqha! Gaetano qalilna “nammiraha bħala kantanta, però ma nistax ma nsemmix li l-lirika tagħha għenitni ħafna meta kont f’mumenti mhux daqshekk sbieħ f’ħajti.” Kompla billi qal li issa ħass li kien wasal il-waqt li jgħaqqad il-passjoni tiegħu bħala disinjatur, flimkien mal-imħabba lejn il-mużika u lejn Mariah Carey.
Gaetano qalilna wkoll kif għażel l-isem tal-kollezzjoni “The Butterfly Collection”! Għażel propju dan l-isem minħabba li l-farfett huwa s-simbolu ta’ Mariah Carey. Apparti minn hekk għal Gaetano, il-farfett huwa ta’ ispirazzjoni kbira! “Meta tara xi ħaġa li tgħaddi minn daqshekk stadji f’ħajjitha u mbagħad bħal terġa’ titwieled mill-ġdid, inħoss li jirrappreżenta wkoll partijiet minn ħajti u fejn qiegħed bħalissa.”
View this post on Instagram
Id-disinjatur qalilna li l-kuluri ewlenin li se naraw f’din il-kollezzjoni huma l-abjad, ir-roża u l-blu. Il-kuluri se jkunu jikkorrispondu mal-kuluri ta’ tipi differenti ta’ friefet. Gaetano qalilna li anke l-kuluri vivaċi u l-għexieren ta’ tipi differenti ta’ friefet kienu “ta’ ispirazzjoni għal din il-kollezzjoni għax juru d-differenza bejn persuna u oħra.”
Gaetano kkonkluda billi qalilna li fl-istil tal-ilbiesi ta’ din il-kollezzjoni xorta se jżomm il-marka tiegħu bħala Gaetano d-disinjatur. Iżda ried joħloq ukoll libsa għal kull diska ta’ Mariah Carey, li se tiġi kantata minn diversi kantanti lokali! Filwaqt li nawguraw lil Gaetano għal din il-kollezzjoni l-ġdida, nixiqulu aktar suċċessi fil-futur għax huwa disinjatur b’talent enormi!
Facebook / Gaetano