“Gawdenz Għandu Xi Ħaġa Illi Tiġbdek Lejh Però Ma Nafx X’inhi … Wara Ftit Li Beda Jidher Fuq It-Televiżjoni Jien Ma Stajtx Immur Imkien” – Fabian Scerri De Carlo

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Insiru Nafu Lil qasmu mas-segwaċi tagħhom it-tieni parti tal-intervista ma’ Fabian Scerri De Carlo fejn tkellem dwar l-oħrajn dwar il-karattru tant maħbub ta’ Gawdenz. Lil Fabian staqsewh, “X'temmen li hi r-raġuni għalfejn il-karattru ta' l-Avukat Gawdenz Bilocca nieżel daqstant tajjeb man-nies?”

Kompla billi żied jgħid, “Minn dejjem xtaqt noħloq karattru komiku mill-hekk imsejħa klassi għolja, peress li konna mdorrijin naraw l-umoriżmu marbut ma’ karattri mill-klassi tal-ħaddiema. Meta ngħatajt l-irwol ta’ avukat, ħadt l-opportunità biex noħloq u niżviluppa lil Gawdenz. Matul is-seba’ snin ta’ studju tiegħi fl-IMTADA, fejn iggradwajt u rbaħt ukoll borża ta’ studju, tgħallimt nibni karattru sal-iċken dettall. Ridt li Gawdenz ikun umoristiku iżda rispettabbli, mingħajr ma l-kummiedja tiegħu twaqqa’ għaċ-ċajt id-diffikultajiet ta’ ħaddieħor. Id-daħka distintiva, il-manjieri, il-mod ta’ ħsieb u l-kummiedja fiżika tiegħu għamluh karattru ta’ suċċess. Wara dan is-suċċess, ikkuntattjajt lill-iskriptwriter Frederick Camilleri biex joħloq stejjer madwar il-karattru. Dawn l-istejjer eventwalment għaddew għat-televiżjoni, fejn adattajt l-interpretazzjoni tiegħi għall-kamera filwaqt li żammejt l-identità ta’ Gawdenz.”

Żied, “Il-versatilità hija waħda mill-akbar saħħiet tiegħi bħala attur, u nibqa’ dejjem infittex modi kif niżviluppa u ntejjeb il-ħiliet tiegħi, għax għalija, l-iżvilupp artistiku huwa proċess li ma jieqaf qatt. Gawdenz hu fenomenu. Jista' jkun minħabba d-daħka, kif nagħmel wiċċi, il-mossi, kif naġixxi però ma' nafx ngħidlek sinċerament x'inhi r-raġuni eżatta. Gawdenz għandu xi ħaġa illi tiġbdek lejh però ma nafx x'inhi. Wara ftit li beda jidher fuq it-televiżjoni jien ma stajtx immur imkien għax kif in-nies jarawni Gawdenz tiela' u Gawdenz nieżel. It-tfal kienu jagħmlu bħali, jimxu bħali, jdellku n-nuċċali bil-butir, anke jekk kont immur funeral kont nara l-abbati jagħmel bħali. Dak iż-żmien kien hawn craze kbira fuqu. Apprezzajt u għadni napprezza sal-lum il-feedback tan-nies fuqu.”

“Kieku f'ħajtek ma kellekx it-teatru u t-televiżjoni x'kienet tkun il-passjoni li kont tagħżel?”

Fejn qal, “Naħseb kont nagħżel il-mużika. Minn dejjem kelli l-ħajra li nipprattika d-drums għax jogħġbuni bħala instrument mużikali. Qatt ma mort nitgħallem. Nixtieq li xi darba nsib iċ-ċans u mmur.”

Ritratti:

Unique Finds Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI