Waslu Fl-Aħħar Fażi X-Xogħlijiet F’Fond Għadir – Investiment Ta’ Aktar Minn €165,000

Ix-xogħlijiet li qed isiru f’Fond Għadir f’Tas-Sliema jinsabu fl-aħħar fażi tagħhom, hekk kif qed jitlesta intervent fuq il-ħajt tul din il-parti tal-kosta. Il-proġett għandu l-għan li jagħmel il-promenade aktar sigura u fl-istess ħin jipprovdi protezzjoni aħjar kontra l-baħar qawwi u l-erożjoni.

Ix-xogħlijiet saru mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi wara li fiż-żona kien hemm blat li kien jisporġi ’l barra u kien instabbli, kif ukoll ħajt li kien jinsab fi stat ħażin ħafna. L-intervent għalhekk indirizza periklu għall-pubbliku filwaqt li saħħaħ din il-parti tal-promenade.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli żaret ix-xogħlijiet flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, il-Perit Stephen Bonello, u s-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow. Waqt iż-żjara ġew diskussi x-xogħlijiet li saru kif ukoll dak li għad fadal biex il-proġett jitlesta.

“Qed inkomplu ninvestu f’infrastruttura li tagħti aktar sigurtà u serħan il-moħħ lill-pubbliku, filwaqt li nħarsu u nsaħħu l-ispazji pubbliċi li jintużaw kuljum mill-familji u r-residenti,” qalet il-Ministru. B’kollox, il-proġett sar b’investiment ta’ €165,877 u inkluda l-iskavar ta’ blat instabbli, il-bini tal-pedamenti u l-kostruzzjoni tal-ħajt. Bħalissa għaddejjin l-aħħar xogħlijiet, fosthom it-tqegħid tal-konkos fuq parti mill-ħajt.

Ladarba jitlesta kollox, din il-parti tal-promenade f’Fond Għadir mistennija tkun aktar sigura u msaħħa, filwaqt li jkollha protezzjoni aħjar kontra l-qawwa tal-baħar.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI