Id-DJ lokali Darryl Borg bi kburija ħabbar li se jkun qed jibda kapitlu ġdid u eċitanti f’ħajtu.
Fuq il-paġna tiegħu kiteb, “Ġejt magħżul minn Caritas Malta biex nibda nagħti lectures ġewwa l-Mcast lill-istudenti u liż-żgħażagħ fejn se nkun qed naqsam l-esperjenza personali tiegħi dwar il-vizzju tad-droga, ir-realta` warajh u fuq kollox, il-messaġġ li hemm mod kif wiehed joħroġ minnu. Għalija dan mhux sempliċiment lecture. Hija parti mill-istorja tiegħi. Għaddejt minn 18-il sena f’ħajja fejn id-droga kienet parti minni. Rajt u għaddejt minn affarijiet li ma nixtieqx lil ħaddieħor jgħaddi minnhom. Imma issa dieħel għal erba’ snin clean u sober.”
Żied jgħid, “Bħala DJ u persuna li għext ħafna snin fid-dinja tal-clubbing, naf kemm id-droga tista tkun viċin din id-dinja. Għalhekk inħoss li l-esperjenza tiegħi tista’ tkun ta’ għajnuna, speċjalment għaż-żgħażagħ. Ma rridx nitkellem magħhom bħala persuna li qatt ma żbaljat. Irrid nitkellem magħhom bħala persuna li għamlet żbalji, għaddiet minn infern, imma rnexxielha terġa tibda tgħix.”
Kompla jikteb, “Jekk il-kliem tiegħi jista jġiegħel żagħżugħ jaħseb darbtejn qabel jagħmel l-ewwel pass lejn id-droga, jew jagħti kuraġġ lil xi ħadd li diġa qiegħed fiha biex jitlob l-għajnuna, allura l-passat tiegħi jkun jista jagħmel sens.”
Temm kliemu billi rringrazzja lill-Caritas tal-fiduċja tagħhom fih. Ninsabu kburin immense bih u nirringrazzjawh talli lest jaqsam l-istorja ta’ ħajtu mal-istudenti biex jgħin lil ħaddieħor.
Facebook / Darryl Borg