F’filmat li tellgħu fuq il-midja soċjali dalgħodu l-Birgu Regatta Club, dgħajsa tal-pass tar-regatta li kellha fuqha żewġ qaddiefa tidher qed tevita traġedja hekk kif għal ftit ma tintlaqatx minn katamaran tal-passiġġieri li nzerta kien għaddej minn hemmhekk dak il-ħin.
Il-klabb spjega li qiegħed jippublika dan il-filmat bil-għan li jqajjem kuxjenza dwar is-sigurtà tal-qaddiefa u b’hekk possibbilment jevita li sseħħ xi traġedja fil-futur.
Spjega wkoll kif f’dan il-każ partikolari l-kaptan tal-katamaran talab skuża; liema skuża huma laqgħu għaliex irrikonoxxew li fl-aħħar mill-aħħar kulħadd jista’ jagħmel żball.
“Qed nagħmlu dan kollu forsi xi darba tinstema’ l-karba tagħna,” temm jisħaq il-Birgu Regatta Club fil-kitba tiegħu fuq il-midja soċjali.
Facebook / Birgu Regatta Club