Il-kantant Malti Kevin Borg reċentement nieda l-kanzunetta l-ġdida tiegħu Għażiż Missier, biċċa mużika li ġġorr magħha storja personali u emozzjonanti li diġà laqtet qalb ħafna nies.
Il-kanzunetta nkitbet oriġinarjament bħala poeżija minn Karen Farrugia, li kellha ħolma waħda ċara, li tara kliemha jinbidel f’kanzunetta. Farrugia għamlet kuntatt ma’ Kevin Borg biex taqsam miegħu din il-viżjoni, u minn hemm beda vjaġġ kreattiv li wassal għat-twelid ta’ Għażiż Missier.
Kevin, li hu magħruf għall-imħabba tiegħu lejn l-isfidi u b’mod partikolari lejn proġetti li jġorru piż emozzjonali, laqa’ din l-isfida b’qalb miftuħa. Hu beda jaħdem fuq il-produzzjoni u l-adattament tal-poeżija, biex il-kliem seta’ joqgħod b’mod naturali fuq il-melodija u jinbidel f’kanzunetta sħiħa u sinċiera.
Ir-riżultat kien kanzunetta li mhux biss li issodisfat il-ħolma tal-awtriċi, iżda wkoll laqtet profondament lil Kevin innifsu. Tant ħabbha din il-biċċa mużika li ddeċieda li joħroġha uffiċjalment. Minn mindu ġiet rilaxxata, Għażiż Missier qed tikseb rispons pożittiv ħafna, b’ħafna jisħqu fuq il-messaġġ qawwi u l-emozzjoni ġenwina li twassal. Ir-reazzjoni tal-pubbliku kienet waħda mill-aqwa, u l-kanzunetta diġà qed tagħmel suċċess fuq diversi pjattaformi.
Din il-kollaborazzjoni bejn il-poeżija u l-mużika turi kif storja personali, meta tingħata vuċi u melodija, tista’ ssir esperjenza kollettiva li tmiss lil ħafna.
Facebook / Kevin Borg