Hekk kif illejla Malta se tagħżel il-Miss Universe Malta l-ġdida, Julia Cluett qasmet messaġġ mimli emozzjoni hekk kif waslet biex tagħlaq il-kapitlu tagħha. Fuq il-midja soċjali, Julia qalet li l-attendenza tagħha għall-aħħar prova qanqlet ħafna memorji, hekk kif illum waslet il-ġurnata li fiha se tgħaddi l-kuruna tagħha.
"Għalkemm diġà għalaqt sena minn meta ġejt inkurunata, għada hija l-ġurnata tassew importanti – il-ġurnata li ħa ngħaddi l-kuruna u t-titlu ta' Miss Universe Malta lil reġina ġdida," kitbet Julia. Fl-istess messaġġ, hija ħarset lura lejn il-mument speċjali meta ġiet inkurunata u esprimiet il-gratitudni tagħha lejn dawk kollha li kienu parti mill-vjaġġ tagħha.
"Ninsab tassew grata lejn Jean Zammit, Malcolm ta' Mood & Co, Chico Estiva, lid-direttur Alan J. Darmanin, lil Kurt Bailleul, lill-catwalk coach Mharv'z Napoles, lit-tfajliet kollha li qasmu din l-esperjenza miegħi, u lil kull persuna li appoġġjatni permezz ta' sponsorship, kliem ta' għerf jew messaġġ ta' inkoraġġiment. Grazzi mill-qalb."
Illejla, il-palk ta' Miss Universe Malta se jilqa' lill-kontestanti li qed jikkompetu għat-titlu prestiġjuż, filwaqt li Julia Cluett se tgħaddi uffiċjalment il-kuruna tagħha lir-rebbieħa l-ġdida, li se tirrappreżenta lil Malta fix-xena internazzjonali.
Facebook / Julia Ann Cluett