Ivan Grech saħaq fuq l-importanza li l-edukazzjoni tkun aċċessibbli għal kulħadd u tasal sa kull rokna tas-soċjetà, anke l-aktar remota. Fi ħsieb li qasam permezz ta’ messaġġ, Grech sostna li għandu jkompli l-investiment f’edukazzjoni mibnija fuq l-etika u r-rispett, li għandhom ikunu fuq kollox.
Grech qal, li l-bniedem huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu ħolqien tal-għeruq tiegħu, tat-tfulija u ta’ dak kollu li jassorbi u jesperjenza matul it-trobbija tiegħu. Għalhekk, huwa jemmen li l-ambjent u l-edukazzjoni għandhom irwol kruċjali fil-formazzjoni tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Huwa esprima wkoll, tħassib dwar iż-żgħażagħ li, skontu, qed jitħallew jiġġerrew mingħajr pjan, gwida, dinjità, sens ta’ tifsira jew appartenenza. Huwa wissa, li sitwazzjoni bħal din tista’ twassal għal futur indeskrivibbli, li ħadd ma jixtieq li jkun parti minnu.
Fl-aħħar tal-messaġġ, Grech enfasizza li l-għan m’għandux ikun biss li nibnu dinja aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri, iżda li nibnu ġenerazzjonijiet aħjar sabiex flimkien ikunu jistgħu joħolqu dinja aħjar.
Facebook/Ivan Grech