Il-President tal-Parlament Ewropew u l-MEP għal Malta u Għawdex, Roberta Metsola, bħalissa tinsab Milan fejn ġiet mistiedna tattendi għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa. Qabel l-avveniment tal-lejla li se jsir f’San Siro, Metsola kienet mistiedna speċjali tal-klabb Inter FC, li laqagħha fil-kwartieri ġenerali tiegħu.
Milqugħa mill-President u s-CEO ta’ Inter FC, Giuseppe Marotta, il-President Metsola kellha l-opportunità tiltaqa’ mal-istilla tal-futbol Maltija Haley Bugeja. F’mument mimli simboliżmu u kburija nazzjonali, Bugeja ppreżentat lill-President Metsola l-flokk tagħha bin-numru 7, filwaqt li Metsola tat lil Bugeja l-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Fuq din il-laqgħa, il-President Metsola qalet: “Kien sabiħ li nitkellmu dwar il-vjaġġ inkredibbli tagħha u l-kburija li tirrappreżenta l-gżira tagħna fuq livell dinji.”
Matul iż-żjara tagħha f’Milan, Metsola ġiet mistiedna wkoll tiltaqa’ mal-ġurnalisti u t-tmexxija tal-gazzetta sportiva rinomata Gazzetta Dello Sport. F’din l-okkażjoni, hija ġiet ippreżentata b’edizzjoni speċjali tal-gazzetta, stampata fuq karta bajda minflok il-karta roża tradizzjonali li hija sinonima ma’ din il-pubblikazzjoni.
Din il-laqgħa mhux biss saħħet ir-relazzjonijiet bejn Malta u istituzzjonijiet internazzjonali iżda kompliet turi kif talent Malti bħal Haley Bugeja qed ikompli jispikka u jġib kburija lill-pajjiż fuq il-palk dinji.