Vanessa Gatt tfakkar lill-maħbuba bintha Emily, li kieku llum kienet tagħlaq 7 snin, b’messaġġ emozzjonanti li mess il-qlub ta’ bosta. Fuq il-midja soċjali, Vanessa qasmet numru ta’ ritratti sbieħ tal-għażiża bintha u akkumpanjathom b’kliem mimli mħabba, nostalġija u niket profond.
Fil-messaġġ tagħha, Vanessa kitbet, “Happy 7th Birthday fil-ġenna mal-anġli sbieħ bħalek, qalbi tiegħi.” Kliem li juri kemm il-memorja ta’ Emily tibqa’ ħajja fil-qalb ta’ ommha, minkejja s-snin li għaddew.
Hi kompliet taqsam ix-xewqat li kull omm ikollha għal bintha f’ġurnata daqshekk speċjali, u żiedet, “Kemm nixtieq nista’ nimliek kollok bews, kemm nixtieq nista’ nimliek bir-rigali u norganizzalek party sabiħ.” Vanessa rringrazzjat ukoll lil bintha talli bidlitha ħajjitha għal dejjem, billi kitbet: “Grazzi talli għamiltni omm għall-ewwel darba u għamiltni dak li jien illum.”
Il-messaġġ jagħlaq b’dikjarazzjoni qawwija ta’ mħabba li ma tintemm qatt, “Inħobbok għal dejjem, sabiħa tiegħi, u qatt u qatt ma neħħejtek sekonda minn moħħi u minn qalbi.”
F’isem it-tim ta’ Gwida, insellmu b’rispett kbir il-memorja ta’ Emily. Aħna ċerti li minn fejn tinsab, qiegħda tħares lejn ommha u tibqa’ tgħix fil-qlub ta’ dawk kollha li ħabbewha.
Facebook / Vanessa Gatt