Id-Djoċesi ta’ Għawdex ħabbret il-ħatra tas-Sinjura Miriam Portelli bħala Kap il-ġdida tal-Kummissjoni tas-Safeguarding, wara s-Sa Loraine Borg Cassar, li qdiet dan l-irwol sa mit-twaqqif tal-Kummissjoni.
Borg Cassar kienet talbet li tieqaf mill-kariga fil-bidu tal-2025 għal raġunijiet familjari u impenji oħra, iżda baqgħet twettaq l-irwol tagħha sakemm inħatret persuna oħra. Id-Djoċesi rringrazzjatha għad-dedikazzjoni u l-professjonalità tagħha, filwaqt li awgurat lil Portelli għall-ħidma l-ġdida tagħha.
Ħatra oħra hija dik ta’ Dr Theresien Mizzi, li se tingħaqad mas-Sa Francine Farrugia Magrin fl-Investigation and Assessment Team, responsabbli mill-investigazzjoni tar-rapporti li jsiru.
Il-Kummissjoni tinkludi wkoll Advisory Board magħmul minn diversi professjonisti, kif ukoll psikologi u counsellors immexxija minn Dr Marlene Cauchi, li joffru appoġġ lill-allegati vittmi u lill-familji tagħhom.
Għal kuntatt mal-Kummissjoni wieħed jista’ jċempel fuq +356 7983 8953 jew jibgħat email fuq [email protected].
Facebook/Dioceses of Gozo