Hawn Trabbejt, Mill-Mużew Għall-Quddies, Qattajt Ħafna Mit-Trobbija Tiegħi … Li Llum Nara L-Kampnar Tal-Vitorja Restawrat, Jagħtini Sodisfazzjon Akbar – Is-Sindku Desirei Grech

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħha, s-Sindku ta’ Birkirkara Desirei Grech tkellmet dwar wieħed mill-ewwel proġetti li bdiet taħdem fuqu meta saret sindku li issa twettaq b’suċċess.

Qalet, “Wieħed mill-ewwel proġetti li bdejt naħdem fuqu meta lħaqt Sindku kien proprju r-restawr tal-Kampnar tal-Vitorja. U Illum bi kburija nista’ ngħid li dan il-proġett twettaq b’suċċess. Apparti li sar ir-restawr fuq il-ġebla li sar taħt ir-responsabbiltà u b’finanzjament mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, fi ħdan il-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, bħala Kunsill Lokali taħt it-tmexxija tiegħi, komplejna nsebbħu dan ir-restawr b’dawl ġdid li jagħti lill-kampnar il-prominenza li jixraqlu.”

Żiedet, “Dan il-post għandu tifsira partikolari għalija. Hawn trabbejt, mill-Mużew għall-quddies, qattajt ħafna mit-trobbija tiegħi niġri fil-parti l-antika ta’ Ħas-Sajjied. U għalhekk, li llum nara l-Kampnar tal-Vitorja restawrat, jagħtini sodisfazzjon akbar.”

Qalet ukoll, “Iżda mhux se nieqfu hawn. Se nkomplu naħdmu biex fejn ikun meħtieġ, inħarsu u nippreservaw il-wirt Karkariż; bir-restawr taż-żuntier tal-Kappella ta’ Santa Rita, restawr u preservazzjoni fuq iż-żuntier tal-Bażilika ta’ Sant’Elena, kif ukoll b’xogħol ta’ manutenzjoni fil-Kappella ta’ Sant’Antnin. Pass wara pass, se nibqgħu ninvestu f’dak li jagħtina l-identità tagħna u jżomm ħajja l-istorja ta’ Birkirkara għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin!”

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI