Kate, magħrufa għall-paġna tagħha Writing My Story, qasmet messaġġ sinċier u emozzjonanti hekk kif qed joqrob fi tmiemu s-sena skolastika. Fil-kitba tagħha, hija żvelat li s-sena tagħha kellha tintemm qabel iż-żmien minħabba programm intensiv ieħor li se tibda ssegwi, iżda wkoll minħabba ċirkostanzi oħra li għamlu din is-sena partikolarment diffiċli.
“Mhux kull sena skolastika tħossha l-istess. Mhux kull esperjenza tkun mimlija fehim. U mhux kull edukatur juri l-empatija, il-kura u l-professjonalità li kull tifel u tifla jistħoqqilhom,” kitbet Kate. Hija stqarret li din kienet sena li ma kienet tixtieqha la għaliha nfisha u lanqas għal xi tifel jew tifla oħra, filwaqt li saħqet li ħadd m’għandu jidħol f’ambjent maħsub għat-tagħlim u t-tkabbir personali u jħossu mhux appoġġjat, eskluż jew inviżibbli.
Kate rrakkontat kif f’snin preċedenti kienet imdawra b’edukaturi li fehmuha, appoġġjawha u għenuha tiffjorixxi, u qalet li d-differenza bejn dawk l-esperjenzi u dik ta’ din is-sena kienet evidenti ħafna. Fil-messaġġ tagħha, hija fakkret li minkejja li ma tużax il-kliem biex titkellem, tifhem ħafna aktar milli forsi jaħsbu n-nies. Spjegat li għandha sentimenti u emozzjonijiet bħal kulħadd u li, għalkemm tesprimi ruħha b’mod differenti, xorta turi dak li tħoss u dak li hu tajjeb għaliha bil-mod tagħha.
“Din is-sena fakkritni kemm huwa importanti li jkollok in-nies it-tajbin madwarek, għax l-edukaturi t-tajbin jagħmlu d-differenza kollha,” qalet. Kate rringrazzjat lil dawk kollha li wrewha qalb tajba u appoġġ matul dan il-perjodu diffiċli, kif ukoll lill-ġenituri tagħha talli dejjem baqgħu maġenbha u servew ta’ vuċi għaliha.
Minkejja l-isfidi li għaddiet minnhom, hija temmet il-messaġġ tagħha b’nota ta’ tama, hekk kif tħares ’il quddiem lejn kapitlu ġdid f’ħajjitha. “Nibda mill-ġdid bit-tama u bit-twemmin li għal darb’oħra se nkun imdawra b’nies li tassew jarawni u jifhmuni. Għax filwaqt li din hija realtà, hija realtà wkoll li jeżistu nies tajbin,” temmet tgħid Kate.
Facebook / Kate: Writing My Story