"Hemm Uħud Li Qaluli Li Qawwejtilhom Qalbhom Għall-Fatt Li Hawn Min Għadu Jemmen Fl-Imħabba Sempliċi U Vera." – Pamela

Pamela Bezzina klassifikat fit-tieni post tal-ħames edizzjoni ta’ Mużika Mużika, li proprju seħħet f’Marzu li għadda. Il-paġna tagħna ta’ Gwida.mt tkellmet mal-kantanta lokali li m’għandha bżonn ta’ ebda introduzzjoni.

Pamela pparteċipat fil-festival lokali għall-ewwel darba bħala solista. Il-kantanta pparteċipat bil-kanzunetta Perfett, kliem u mużika tagħha stess. 

X’kienu l-ispirazzjonijiet ewlenin għall-kanzunetta ‘Perfett’?

L-ispirazzjonijiet ewlenin għal din il-kanzunetta kienu ovvjament ir-raġel tiegħi u r-relazzjoni tagħna – li għalkemm bħal ta’ kulħadd mhux perfetta, imma għalija u għal dak li jien, hija perfetta.





Ninsabu ċerti li l-emozzjonijiet kienu kbar matul dan il-vjaġġ. X’inhu wieħed mill-iżjed mumenti li jibqgħu mnaqqxa f’qalbek, u għaliex?

Naħseb l-isbaħ mument kien eżatt xħin kantajt l-aħħar nota, il-Ħamis 27 ta’ Marzu, meta nstemgħet il-kanzunetta għall-ewwel darba – ir-rispons tan-nies tas-sala kien sabiħ wisq! Hemmhekk ħassejt qalbi mimlija b’ħafna ferħ, għax kantajt kif xtaqt minkejja l-emozzjoni u l-eċitament galore, kif ukoll għax il-kanzunetta ntlaqgħet b’mod sabiħ immens. 

Ċertament li kien hemm ħafna li rrelataw mal-kanzunetta ‘Perfett’ – hemm xi kummenti jew messaġġi partikolari li rċevejt, u li tant apprezzajt u fissru għalik?

Irċevejt ħafna u ħafna messaġġi u għadni nirċievi. Hemm wisq minn fejn nagħżel – iżda ħafna nies bagħtuli li assoċċjaw ruħhom direttament mal-lirika tal-kanzunetta. Kien hemm uħud li qaluli li qawwejtilhom qalbhom għall-fatt li hawn min għadu jemmen fl-imħabba sempliċi u vera.

X’kien ifisser għalik dan ir-ritorn tiegħek ġo Festival lokali bħala parteċipanta?

Ma kinitx faċli xejn li nieħu din id-deċiżjoni u bqajt sa l-aħħar niddubita jekk għamiltx id-deċiżjoni t-tajba, però ma jiddispjaċini xejn. Is-sena l-oħra wegħedt lili nnifsi li se nagħti spazju għalija nnifsi u nikkrea xi ħaġa għalija fejn inkun nista’ ngawdi ftit ħin u attenzjoni fuqi bħala artista, altru milli bħala kompożitriċi jew coach.



Ħa narawha f’xi festival ieħor dalwaqt lil Pamela?

Fil-ħajja tgħallimt li qatt m’għandi ngħid ‘qatt’

X’għandna nistennew minn Pamela issa wara Mużika Mużika? U hemm ċans li naraw aktar kanzunetti bil-Malti fil-futur?

Jiena se nibqa’ nagħmel dak li dejjem għamilt – inkanta f’ħafna okkażjonijiet, nikteb il-mużika, ngħallem il-vuċi u ngħix bil-mużika. Jiena nimxi ħafna ġurnata b’ġurnata u Jalla nibqa’ niltaqa’ ma’ okkażjonijiet sbieħ fejn nikkrea mużika ġdida u naħdem ma’ nies bravissimi fix-xena mużikali.

Messaġġ li tixtieq tgħaddi lill-pubbliku u dawk kollha li appoġġjawk tul dan il-vjaġġ.

M’għandix kliem biżżejjed biex nirringrazzja lil kull min bagħatli u tani l-appoġġ matul dan il-vjaġġ sabiħ immens. Grazzi talli għadkom tisimgħu il-kanzunetta Perfett u ddoqquha f’ħafna okkażjonijiet ta’ mħabba – dan ifisser ħafna għalija. Grazzi speċjali tmur lil kull min jgħin lill-artist lokali jibqa’ joħlom u jikkrea dak li għandu f’qalbu.

Grazzi tal-ħin tiegħek Pamela, Prosit ta’ kollox, u minn qalbna nawgurawlek aktar suċċessi fil-karriera mużikali!

Facebook/ Pamela Bezzina

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI